“Ieqaf, u ismagħni” – it-tfal jitolbu r-rispett mill-adulti

F’riċerka li tmexxiet mill-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà (PFWS), flimkien mal-organizazzjoni Eurochild, ipparteċipaw daqs 2,400 tifel u tifla. It-tfal ħadmu biex joħolqu 80 t-shirt li kellhom messaġġi fuqhom dwar dak li jagħmilhom iħosshom mistmugħin, u dak li jġiegħlhom iħosshom li ħadd m’hu jagħti każhom. Fost il-messaġġi fuq it-tshirts kien hemm “stop, listen to me” u “why won’t anyone listen to me?”

Il-konklużjoni tar-riċerkaturi żgħar li ħadu sehem, minn etajiet ta’ bejn ta’ skola primarja u dik sekondarja, kienet li r-rispett huwa fundamentali biex iħossuhom mistmugħin.

“T’età żgħira, id-dinja hija vera kbira, u diffiċli tkellem adult jew tiddiskuti l-problemi tiegħek. Meta jinstemgħu, it-tfal ikollhom tfulija ħafna iżjed hieni”, kienu kliem Lincoln u Jessica, studenti ta’ skola primarja.

Meta t-tfal ġew mistoqsija jirriflettu dwar il-messaġġi, it-tfal ikkonkludew li kollox jorbot mar-rispett. Dan hekk kif raw li l-prinċipji fundamentali tal-messaġġi huwa li t-tfal għandhom bżonn l-imħabba, il-paċenzja, il-komunikazzjoni ċara u l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma bilanċ ta’ rispett bejn l-adulti u t-tfal.

Ikkonkludew ukoll li kollox jorbot mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda tad-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), u d-dritt fundamentali tat-tfal biex isemmgħu leħinhom dwar deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilhom.

Fil-kummenti tal-aħħar tar-rapport, ġie nnuttat li għalkemm kien hemm pass kbir ‘il quddiem, għad hemm adulti li jaħsbu li li tħalli lit-tfal isemmgħu leħinhom tfisser li tkun qed tħalli lit-tfal juru diżrispett lill-adulti ta’ madwarhom. B’hekk, għad hemm realtà fejn hemm adulti li jħossuhom mhedda bil-verità kif tidher f’għajnejn it-tfal. Però, l-adulti hemm bżonn jaċċertaw li lit-tfal qed iħalluhom jitkellmu, biex ikunu tfal b’saħħithom f’kull aspett tal-ħajja.