“Ieqaf kun ta’ xkiel għall-ġustizzja” – Cassola lill-Ispeaker

Il-Professur Arnold Cassola appella lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jieqaf ikun ta’ xkiel għall-kors tal-ġustizzja.
F’messaġġ li ppubblika fuq Facebook, Cassola talab lill-Ispeaker biex ma jxekkilx il-kors tal-ġustizzja minħabba li l-ġimgħa li għaddiet huwa waqqaf lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil milli jistaqsi dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Simon Busuttil, il-Ġimgħa appella mir-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Spjega dan billi qal li l-mistoqsija ta’ Busuttil kienet simplistika u għalhekk, skont Cassola, dan ta lill-Ispeaker l-iskuża biex iwaqqaf il-mistoqsijiet milli jiġu mwieġba.
Cassola jkompli l-messaġġ tiegħu lill-Ispeaker billi b’ton sarkastiku jistaqsih kif il-Parlament Malti ma jistax jistaqsi dwar ix-xogħol taċ-Chief of Staff meta skont Cassola dan uża l-pożizzjoni tiegħu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex avvanza l-interessi personali li kellu.
Jfakkar ukoll kif sa issa nafu li Keith Schembri fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, għandu kont fil-bank Pilatus u pprova jiftaħ kont f’Dubaj.
Itemm jgħid lill-Ispeaker biex għal darb’oħra jieqaf juri li lest jaħbi l-verità biex jibqa’ jgawdi fil-pożizzjoni li għandu.