“Qed tbierek il-korruzzjoni” – Delia lil Muscat

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jieqaf ikaxkar saqajh fejn tidħol l-irfih ta’ responsabbiltà politika.

Hu qal dan waqt li laqqa’ l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista b’urġenza hekk kif wasal lura Malta minn Zagreb sabiex jiddiskuti l-iżviluppi dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-arrest ta’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Aqra: Fejn kien sejjer Yorgen Fenech?

Fi stqarrija ġie spjegat li l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari saret immedjatament wara li Delia rritorna lura Malta wara li qata’ l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Żagreb fil-qasir.

Aqra: Filmat: L-arrest mhux minn dettalji li ta s-sensar – PM

Delia qal li minbarra li l-ġustizzja għandha titħalla tieħu l-kors tagħha, hemm ukoll responsabbiltà politika li trid tinġarr. Talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jieqaf “ikaxkar saqajh u minnufih ikeċċi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.” Tenna li huwa ċar li kellhom rabtiet mal-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech.

Intant, il-grupp Parlamentari qabel li l-ġlieda favur il-ġustizzja u kontra l-korruzzjoni għandha tibqa’ ssir mingħajr ebda riservi. Matul il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari ġie deċiż li l-Partit Nazzjonalista jipparteċipa fil-protesta li se ssir mis-soċjetà ċivili għada fil-Belt Valletta.

Aqra: Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Propju lbieraħ saret protesta oħra. Il-protesta bdiet minn quddiem Kastilja u baqgħet sejra għal quddiem il-bini tal-Parlament. Il-karozza tal-Ministru Owen Bonnici, li kien ħiereġ mill-Parlament inqabdet fil-folla, bl-attivisti jduru mal-karozza bil-konsegwenza li ma setgħetx tgħaddi.

Aqra: Filmat: Owen Bonnici jispjega kif spiċċaw qalb il-folla

Aqra: Passi kontra min ħabbat mal-karozza ta’ Bonnici – L-Ispeaker

Din il-protesta ġiet propju wara li lbieraħ ġie arrestat Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black. Aktar tard ħareġ mandat t’arrest iffirmat minn Maġistrat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Bosta entitajiet u rappreżentanti tal-komunitajiet għajtu għar-riżenja ta’ dawk kollha li fil-passat b’xi mod jew ieħor kienu se jidħlu f’negozji illeċiti mal-istess Fenech. Huma talbu wkoll ir-riżenja tal-Prim Ministru nniffsu talli falla milli jkeċċihom mill-pożizzjonijiet tagħhom fil-Gvern.

Il-PN se jieħu sehem fil-protesta ta’ għada organizzata mis-soċjetà ċivili

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, akkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li meta ma jkeċċix lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri ikun qed ibierek il-korruzzjoni u l-illegalitajiet.

Delia appella lill-Prim Ministru biex jerfa’ r-responsabilità politika u jassigura li tkun miġġielda l-korruzzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu Delia ħabbar li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu sehem fil-protesta li s-soċjetà ċivili qed torganizza il-Ġimgħa filgħaxija fil-Belt Valletta.