Idoqqu l-mużika fir-ristoranti biex jittalbu

​Persuni li jidher li huma mill-Albanija u r-Rumanija qed iduru postijiet ewlenin, ristoranti u ħwienet tax-xorb fejn joqgħodu idoqqu l-akkordjin u l-armonika.
Wara li jdoqqu jduru l-imwejjed u jitolbu l-flus lin-nies preżenti.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fuq dawn il-persuni saru rapporti lill-Pulizija.
Jirriżulta li dawn l-irġiel intlemħu f’Tas-Sliema, Buġibba, il-Belt Valletta, Marsaskala u Marsaxlokk, qed jitkellmu bit-Taljan u jsostnu li jridu l-flus biex jieklu.
Fil-midja soċjali kien hemm min ikkumenta fuq dawn l-irġiel mużiċisti u qalu li għalkemm jgħidulhom li mhux interessati jibqgħu jippersistu li jingħataw il-flus.
Qalu li mhux mużiċisti professjonisti u iktar idejqu lin-nies milli jagħtuhom gost bil-mużika.
Oħrajn staqsew għaliex is-sidien ta’ dawn l-istabbilimenti iħallu lil dawn il-barranin jagħtu fastidju lill-klijenti biex jittalbu.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li skont il-Kodiċi Kriminali, Kapitlu 9 u Artiklu 338 huwa llegali li persuna tgħix ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.
Il-liġi Maltija tipprojbixxi li persuna tmur f’postijiet pubbliċi timmolesta lin-nies biex titlob għall-karità.
Għalhekk persuni li jdejqu lil ħaddieħor għall-flus ikunu qed iwettqu reat kriminali u jiksru l-liġi.
Newsbook.com.mt kien irrapporta kif nisa rumeni kienu qed iħabbtu l-bieb, jitolbu l-flus filwaqt li joqgħodu jittawlu ġewwa. 
F’Malta, mhux biss persuni barranin jittalbu, hekk kif fix-xhur li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta diversi każi ta’ persuni jittalbu.
Fosthom, raġel li kien qed jgħid li ħareġ mill-ħabs, kien qed iwaqqaf lin-nies u jitlob il-flus.
Dan kien qed isostni li ma kellux fejn jgħix u lanqas xogħol.