Identity Malta tinqasam fi tliet aġenziji

Il-Gvern ħabbar li Identity Malta se tinqasam biex b'hekk Identity Malta, l-Aġenzija Maltija għar-Residenzi u l-Visa (MRVA) u l-Programm tal-Investitur Individwali (IIP) se jkunu tliet aġenziji differenti.
Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi qalet li dan it-tibdil sar wara li ġew emendati tliet avviżi legali li jirregolaw l-Att għall-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Skont il-Gvern, dawn l-emendi, bħala parti minn riforma usa’, jistipulaw funzjonijiet distinti għal kull aġenzija. Fost il-bidliet li qed isiru qed ikun riformat il-mod kif it-tliet aġenziji joperaw.
Tħabbar li kull entità issa se jkollha ċerpersin u bord tad-diretturi, u se tkun immexxijja minn kap eżekuttiv. Numru ta’ diretturi fost il-ħamsa ta’ kull aġenzija se jkunu komuni għat-tliet aġenziji.
Fi kliem il-Gvern, “din is-sistema tara li jkun hemm viżibbiltà fuq dak li għaddej fl-istrutturi msemmija biex ikun hemm sinerġija fuq suġġetti b’rabta ma’ ċittadinanza, permessi ta’ xogħol u visas.”
It-tmexxija tat-tliet aġenziji se tkun kif miktub hawn taħt:
Identity Malta
Ċerpersin mhux Eżekuttiv – Dr Ian Castaldi Paris
Kap Eżekuttiv –Anton Sevasta
IIP
Ċerpersin  mhux Eżekuttiv –Frances Mifsud
Kap Eżekuttiv – Jonathan Cardona
MRVA
Ċerpersin mhux Eżekuttiv – Nadette Azzopardi
Kap Eżekuttiv – Roderick Cutajar