Identity Malta tgħid x’se jiġri mill-Ingliżi f’Malta wara Brexit

REUTERS/Toby Melville

Fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, ċittadini mir-Renju Unit u qraba tagħhom li bħalissa qed jgħixu Malta se jitħallew jibqgħu jgħixu hawn taħt il-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-ħruġ u l-liġijiet Maltin.

Fi stqarrija, Identity Malta spjegat li l-Gvern Malti ppubblika notfika legali li tirregola ċ-ċittadini tar-Renju Unit wara l-ħruġ tagħhom mill-Unjoni Ewropea.

Il-persuni li huma resident Malta bħalissa bid-drittijiet Ewropej, kemm jekk hu ġew Malta qabel, jew fl-aħħar jum tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, se jkunu intitolati li jibqgħu jgħixu Malta u jidħlu u joħorġu mill-pajjiż mingħajr problemi. Dan fost drittijiet oħrajn imsemmija fil-ftehim. Identity Malta qalet li dawn id-drittijiet huma applikabbli wkoll għall-qraba ta’ dawn il-persuni. Minkejja dan, għajr ħlief it-tfal, koppji li jkunu bdew relazzjoni jew familja wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni mhux se jkunu koperti.

Il-perjodu ta’ tranżizzjoni huwa mill-1 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Persuni li ġejjin Malta f’dan iż-żmien jistgħu japplikaw għall-istatus residenzjali wara tliet xhur li jaslu Malta u qabel it-30 ta’ Ġunju tal-2021. Intant, Identity Malta spjegat li persuni li ma kinux qed jgħixu Malta qabel id-data ta’ Brexit u li se jaslu Malta sal-31 ta’ Diċembru tal-2020, se jibbenefikaw mid-drittijiet tal-ftehim. Applikanti li għandhom id-dritt li jibdew jgħixu Malta wara l-31 ta’ Diċembru jridu jissottomettu l-applikazzjoni fi żmien tliet xhur wara li jaslu Malta u qabel it-30 ta’ Ġunju tal-2021.

Identity Malta se tkellem lir-residenti mir-Renju Unit f’Malta

Intant, fil-ġimgħat li ġejjin, Identity Malta se tkun qed tkellem lill-benefiċċjarji kollha li għandhom dokument residenzjali validu. Spjegat li l-perjodu ta’ applikazzjoni fejn se jsir il-proċessar se jkun wieħed mifrux u mhux se jkun hemm bżonn isr ħlas biex jiġu pproċessati.

Persuni li għandhom jissottomettu l-applikazzjoni qed jintalbu jagħmlu dan bl-Identity Malta’ Expatriates Unit fi Triq il-Wied fl-Imsida. Intant, persuni li qed jgħixu Għawdex jistgħu japplikaw fl-e-Residence Unit, Pjazza San Franġisk, fir-Rabat, Għawdex. Wara huma jirċievu dokument ta’ residenza validu għal perjodu ta’ 10 snin, li jiġi meġġedded awtomatikament.

Intant, id-dokument eżistenti se jibqa’ validu sakemm jinħareġ id-dokument il-ġdid.