Identity Malta mill-Ministeru għall-Intern għall-Ministeru tal-Ġustizzja

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħabbar li Identity Malta mhix se tibqa’ parti mir-responsabbiltajiet tal-Ministeru għall-Intern u se tiġi assenjata lill-Ministeru għall-Ġustizzja.
Identity Malta hija responsabbli miċ-ċittadinanza, in-nies barranin u l-viżas kif ukoll l-identità nazzjonali li tinkludi r-reġistru pubbliku, ir-reġistru tal-artijiet, ir-reġistrazzjoni ċivili, l-karti tal-identità u l-passaporti.
Stqarrija tal-Gvern tgħid li dan se jsir biex isir re-engineering tax-xogħol ta’ dan id-dipartiment.  

Reazzjoni PN
F’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru falla fit-tmexxija ta’ Identity Malta u fid-dawl ta’ dan għażel li jumilja lill-Ministru Carmelo Abela u jneħħilu din l-aġenzija biex għaddiha lil Ministru ieħor.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qed isostni li l-problema f’Identity Malta mhix tal-Ministru iżda tat-tmexxija tal-Prim Ministru li skont l-Oppożizzjoni għażel nies viċin tiegħu fit-tmexxija tal-aġenzija li hi mifnija bil-korruzzjoni.