Identifikati l-erba’ seminaristi maħtufa fin-Niġerja

L-erba' seminaristi matufa: Pius Kanwai, 19, Peter Umenukor, 23, Stephen Amos, 23, and 18-year-old Michael Nnadi

L-organizzazzjoni pontifiċja Aid to Church in Need identifikat lill-erba’ seminaristi li nħatfu minn persuni armati fin-Niġerja fit-8 ta’ dan ix-xahar.

Is-seminaristi huma Pius Kanwai ta’ 19-il sena, Peter Umenuko, 23 sena, Stephen Amos ta’ 23 sena u Michael Nnadi ta’ 18-il sena.

Aid to the Church in Need, organizzazzjoni li taħdem ħafna ma’ Nsara ppersegwitati qalet li s-seminaristi nħatfu nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Jannar, filgħaxija, waqt li kienu fis-Seminarju Maġġuri tar-Ragħaj it-Tajjeb fil-belt ta’ Kaduna fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Il-ħtif

Nies armati waqqgħu r-reċint li jdawwar iż-żona fejn jgħixu s-seminaristi fis-seminarju, żgassaw il-hostel tal-istudenti, serqulhom xi oġġetti ta’ valur, imbagħad ħatfu lill-erba’ seminaristi u ħaduhom magħhom.

L-erba’ żgħażagħ huma minn erba’ djoċesijiet differenti fin-Niġerja u kienu għadhom kif bdew jistudjaw u jħejju ruħhom għas-saċerdozju.

L-identità u l-mottiv ta’ dawk li ħatfu lis-seminaristi għadhom mhux magħrufa. Il-Pulizija qalet li l-wasla immedjata tagħha fil-post skansat aktar studenti milli jinħatfu. In-numru ta’ każijiet ta’ ħtif ta’ persuni fil-belt ta’ Kaduna żdied sew f’dawn l-aħħar xhur.

Negozju kbir

Ir-Reverendu John Joseph Hayab, President tal-Assoċjazzjoni tal-Insara fin-Niġerja, qal li l-ħtif tal-persuni f’dan l-istat sar negozju kbir, filwaqt li wħud jinħatfu għal raġunijiet ta’ reliġjon.

Infatti fis-26 ta’ Diċembru li għadda, l-ISIS ippubblikaw filmat li juri l-qtugħ ir-ras ta’ għaxar Insara f’Jum il-Milied. Dan ġab kritika qawwija mill-Isqof Matthew Hassan Kuhah kontra l-awtoritajiet tal-pajjiż li ma għamlu xejn biex iwaqqfu dan il-massakru.

Fil-25 ta’ Marzu li għadda, Dr John Bako Shekjwolo, qassis mid-djoċesi ta’ Kaduna, kien inħataf u ħadd għadu ma jaf x’sar minnu.

Ġimagħtejn qabel, Fr Clement Ugwu li jservi fil-Knisja ta’ San Mark fl-istat ta’ Enugu, kien inħataf mill-parroċċa u xi jiem wara, il-katavru tiegħu nstab madwar 12-il mil bogħod mid-dar.

Leah Sharibu, tfajla li nħatfet fi Frar tal-2018 għadha fil-pussess tal-Boko Haram. Hi kienet inħatfet flimkien ma’ 109 tfajliet oħra wara li rrifjutat li tikkonverti għall-Iżlam.