Fil-bidu ġew “identifikati iżjed suspettati” fil-qtil ta’ Daphne

It-3 suspettati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, flimkien ma’ sebgħa oħra suspettati li jaf kellhom x’jaqsmu, kienu ġew identifikati mis-Servizz tas-Sigurtà ta’ Malta.

Dan inkiteb fir-rapport annwali tagħhom, fejn kien hemm dedikat sezzjoni partikolarment għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Is-Servizz saħaq li minn sforzi inizjali, ġie identifikat l-ewwel persuna. Permezz ta’ aktar xogħol, ġew identifikati t-tnejn l-oħra, flimkien ma’ aktar individwi li setgħu assistew il-każ.

Is-Servizz imbagħad ħadem mad-Dipartimenti tal-Pulizija lokali u dawk barranin biex jimmuntaw operazzjoni t’arrest fuq skala kbira, fejn it-3 suspettati prinċipali flimkien ma’ seba’ persuni oħra li setgħu kellhom xi tip ta’ involviment ġew arrestati. It-3 suspettati prinċipali baqgħu miżmuma fil-kustodja u għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti.

Għalkemm ma semmew l-ebda ismijiet fir-rapport, fl-4 ta’ Diċembru ġew arrestati l-aħwa, Alfred Degiorgo Il-Fulu u George Degiorgio Iċ-Ċiniż kif ukoll Vince Muscat Il-Koħħu.

Is-Servizz tas-Sigurtà saħaq li għadu għaddej b’xogħlu dwar il-każ u li huwa kommess li jibqa’ jsegwi t-trufijiet. Spjegaw li dan jinkludi l-koperazzjoni kontinwa mal-Pulizija lokali.