Identifikati dawk li tajru drone fuq Gatwick

Żewġ persuni suspettati li kienu wara d-drones li ttajjru fuq l-ajruport ta’ Gatwick f’Londra ġew arrestati mill-Pulizija Ingliża. Iż-żewġ arrestati huma Paul Gait ta’ 47 sena u martu, Elaine Kirk ta’ 54 sena. Minħabba dawn id-drones, l-ajruport ingħalaq għal madwar tliet ijiem.

Il-Pulizija ta’ Sussex fi stqarrija qalu li huma ġew arrestati f’darhom, il-Ġimgħa għall-ħabta tal-10pm. Fost l-akkużi hemm li huma ssusspettati li fixxklu l-operat tas-servizzi tal-avjazzjoni ċivili.

L-akkużi li bihom qed jiġu akkużati għandhom pieni li vvarjaw sa massimu ta’ għomor il-ħabs jekk jinstabu ħatja.

Minkejja li llum l-ajruport kellu jopera fuq skeda normali, il-passiġġiera ġew imwissija dwar ittardjar u anke kkanċellar ta’ xi titjiriet.

Ilbieraħ, mara Maltija esprimiet id-diżappunt tagħha peress li hi u ż-żewġ uliedha nqabdu l-Ingilterra u ma setgħux isibu mezz kif jaslu Malta qabel il-Milied, minħabba l-għeluq tal-ajruport ta’ Gatwick. Il-mara kellha t-titjira tagħha mal-linja EasyJet, u spjegat li l-unika alternattiva oħra li kellha kien li tinżel Malta fit-28 ta’ Diċembru. Sostniet ukoll li t-tijira tal-Air Malta li hemm għal Malta qabel il-Milied tiswa mal-€1,200.