Identifikat iż-żagħżugħ li miet fl-Imġarr ilbieraħ

Read in English.

Iż-żagħżugħ li miet f’inċident tal-kostruzzjoni lbieraħ ġie identifikat.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ż-żagħżugħ kellu 23 sena u kien mill-Ghana.

Iż-żagħżugħ waqa’ madwar żewġ sulari minn sit ta’ kostruzzjoni waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista (PN) qal li jixtieq juri s-sogħba tiegħu għall-ħaddiem li tilef ħajtu. L-istqarrija ġiet iffirmata mid-Deputat Kevin Cutajar. “Din l-aħbar propju waslet lejlet Jum il-Ħaddiem, jum li fih niċċelebraw ħidmet il-bniedem, iżda sfortunatament flok niċċelebraw, qegħdin nitkellmu dwar traġedja oħra marbuta mal-post tax-xogħol. Tul din is-sena biss, din hi t-tieni traġedja marbuta mal-qasam tal-kostruzzjoni u dan wara li f’Marzu li għadda ġġarrfet dar fil-Hamrun fejn tilfet ħajjitha persuna,” qal il-PN.

“Bla ma jidħol fil-mertu ta’ inċidenti partikolari, l-Partit Nazzjonalista jinnota li f’pajjiżna għad fadal aktar xi jsir dwar il-protezzjoni tal-persuna f’postijiet tax-xogħol, speċjalment fejn il-livell tal-periklu hu elevat bħal fil-qasam tal-kostruzzjoni. L-ewwel u qabel kollox, hu importanti li l-ħaddiema stess jieħdu ħsieb il-protezzjoni, iżda hu aktar u aktar importanti li l-Gvern jiddedika r-riżorsi adekwati biex jara li jitfasslu u jiġu osservati r-regolamenti adattati,” kompla jgħid il-partit.

Il-PN temm jgħid li hu dritt ta’ kull ħaddiem li jwettaq xogħlu f’ambjent sigur.