“Iddispjaċini iktar mill-familja ta’ Daphne meta nqatlet”

DOI

Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru qalet li meta semgħet bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, taħseb li ddispjaċiha aktar mill-familja Caruana Galizia stess.

F’intervista mal-MaltaToday, Muscat stqarret li l-ewwel ħsieb li għadda minn moħħha kien li se jkollha tgħix b’dak li sejħet il-gideb ta’ Daphne. “Jekk hemm xi ħadd li jrid lil Daphne ħajja huwa jien… Irridha ħajja”, kompliet tgħid mart il-Prim Ministru waqt li saħqet li mhu se tinsa qatt dak li kitbet dwarha.

Dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama, li mill-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta rriżulta li ma kienx hemm rabtiet mal-familja tal-Prim Ministru, Michelle Muscat irrimarkat li meta ħarġu l-allegazzjonijiet qalet lit-tfal li n-nies qed jigdbu fuqhom.

“L-iskola ma pproteġietx lil uliedna”

Fl-istess waqt fissret li dejjem ippruvaw jgħixu ħajja normali u jżommu mar-rutina tas-soltu. Semmiet kif l-iskola m’għamlet xejn biex tipproteġi lil uliedhom mill-ibbulljar. Allegat li dan għax kienu t-tfal tagħhom u li ma ħaddieħor sar differenti. Barra minn hekk qalet li kien hemm parties fejn tfal jistiednu lit-tfal kollha tal-klassi, ħlief uliedhom.

Għal darb’oħra tenniet kemm kienet trawma għaliha li kellha tmur tixhed il-Qorti. Stqarret li għalkemm għal ħaddieħor forsi esperjenza ta’ kuljum, għaliha kienet xi ħaġa kbira.

“… mhux se jibqa’ Prim Ministru għal dejjem”

“In-nies ta’ madwarna kienu jafu li Egrant hi gidba faħxija. Jafu li ngħixu ħajja normali u li naffaċċjaw l-isfidi bħal kull familja. Hemm affarijiet li nagħmluhom aħna, minflok inqabbdu lil min jagħmilhomlna. Nippruvaw inrabbu lit-tfal f’ambjent normali”, żiedet tgħid.

Michelle Muscat fissret li llum jew għada t-tfal iridu jfendu għal rashom u li missierhom mhux se jibqa’ Prim Ministru għal dejjem.