“Katastrofi jekk ma nipproteġux l-anzjani” – ġerjatriċi

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-Soċjetà tal-Mediċina Ġerjatrika f’Malta appellat li tiġi ddikjarata emerġenza tas-saħħa pubblika mill-ġdid, peress li hi mħassba li Malta se taffaċċja traġedji fuq skala kbira jekk jibqgħu jiżdiedu l-każijiet tal-coronavirus fid-djar tal-anzjani.

Fi stqarrija, is-Soċjetà tal-Mediċina Ġerjatrika (GMSM) qalet li s-sitwazzjoni preżenti kienet prevista u setgħet ġiet prevenuta li kieku l-miżuri tneħħew b’mod aktar responsabbli. Hija kkundannat il-mod kif tħallew isiru attivitajiet tal-massa fil-bidu tas-sajf, peress li f’temp ta’ ġimgħat, l-imxija tal-coronavirus inxterdet fid-djar tal-anzjani, fejn, minkejja li hemmhekk il-komunità hija waħda magħluqa, huwa faċli li jinxterdu l-mikrobi.

Is-Soċjetà wissiet li jekk il-każijiet f’dawn id-djar ikomplu jiżdiedu, Malta jaf jiġrilha bħalma ġara fl-Italja, fi Spanja, fir-Renju Unit u fi Franza, fejn ħafna residenti fid-djar tal-anzjani spiċċaw sfaw vittmi tal-Covid-19. Din is-sitwazzjoni, skont is-Soċjetà, qed tpoġġi ħafna piż fuq it-tobba u fuq professjonisti oħra tas-saħħa, speċjalment dak li jaħdmu fil-komunità u fis-servizzi tal-isptar.

Għaldaqstant, hija tenniet dak li qalet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), li għandha tissejjaħ emerġenza ta’ saħħa pubblika nazzjonali sakemm ma s-sitwazzjoni terġa’ tiġi kkontrollata.

Is-Soċjetà tal-Mediċina Ġerjatrika insistiet ukoll li kulħadd għandu jkollu aċċess addattat għall-kura medika, u li l-pazjenti m’għandhomx jiġu esklużi minn taqsimiet speċjalizzati fl-isptar minħabba l-età tagħhom.

Illum tħabbret is-17-il mewt f’Malta bil-coronavirus, dik ta’ mara ta’ 91 sena.

Is-17-il mewt bil-coronavirus f’Malta
Tmut anzjana li kienet pożittiva għall-Covid-19