Iddikjarata emerġenza għas-saħħa pubblika minħabba COVID-19

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-pandemija tal-COVID-19 li fis-7 ta’ Marzu laqtet ukoll lil Malta wasslet sabiex is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika tiddikjara stat ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika.

Dan sar permezz ta’ avviż legali ppubblikata nhar l-Erbgħa li għadda. Din in-notifika tagħti poteri kbar lis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika bil-għan li kull periklu b’rabta mal-virus jiġi eliminat.

Id-dikjarazzjoni timxi fuq artiklu 14 tal-Att tas-Saħħa Pubblika li jgħid li s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika għandu l-jedd li jiddikjara li fil-pajjiż hemm emerġenza għas-saħħa pubblika. Din id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza għandha tidentifika b’mod ċar in-natura tal-emerġenza għas-saħħa pubblika u ż-żona li għalih tapplika din l-emerġenza.

Id-dikjarazzjoni ppubblikata fl-1 ta’ April tgħid li b’effett mis-7 ta’ Marzu li għadda, f’Malta hawn emerġenza għas-saħħa pubblika. Tgħid ukoll li din l-emerġenza ssegwi l-pandemija tal-COVID-19 u tapplika għal Malta bħala pajjiż.

Xi tfisser dikjarazzjoni tat-tip?

Artiklu 15 imbagħad jitkellem dwar il-poteri li awtomatikament jingħataw lis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika malli tiġi ddikjarata emerġenza għas-saħħa pubblika. Is-Superintendent jista’ jiddeċiedi li jdaħħal fis-seħħ diversi miżuri biex inaqqas, ineħħi jew jelimina t-teddida kurrenti.

Is-Superintendent jingħata l-poter li:

  • Jissegrega jew jiżola kwalunkwe persuna fi kwalunkwe żona,
  • Jevakwa kull persuna minn żona partikolari
  • Jipprevjeni aċċess ta’ kwalunkwe żona
  • Jikkontrolla l-moviment ta’ kwalunkwe vettura
  • Jordna lil kwalunkwe persuna biex tgħaddi minn eżami mediku
  • Jordna li kwalunkwe sustanza jew oġġett jiġi meqrud jew mormi skont id-direzzjonijiet tiegħu
  • Jordna azzjonijiet oħrajn li għandhom jittieħdu skont dawk li jikkonsidra bżonnjużi fiċ-ċirkostanzi.

Kull min ifalli milli jimxi mal-ordnijiet maħruġa mis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika b’rabta ma’ dan l-artiklu jinstab ħati ta’ ksur ta’ dan l-Att.

Skont Artiklu 27, is-Superintendent għandu wkoll il-jedd li f’każ ta’ epidemiji u mard infettiv, jirregola ż-żamma ta’ persuni mejta, l-poter li wieħed jispezzjona binjiet u li jirregola l-proviżjonijiet ta’ għajnuna medika, id-distribuzzjoni tal-mediċini u promozzjoni ta’ tindif, ventilazzjoni u diżinfettazzjoni fost oħrajn.

U f’pajjiżi oħrajn x’ġara?

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kienet iddikjarat emerġenza għas-saħħa globali fl-aħħar ta’ Jannar b’rabta mal-coronavirus. Intant, diversi pajjiżi oħrajn, kemm Ewropej u kemm dawk barra mill-Ewropa ddikjaraw emerġenza għas-saħħa pubblika fil-pajjiż tagħhom inkluż Spanja u l-Italja, żewġ pajjiżi li l-aktar intlaqtu b’mod aħrax minn din il-pandemija fl-Ewropa. Magħhom hemm ukoll, l-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Bulgarija, il-Latvja u r-Repubblika Ċeka fost oħrajn.

Bħalissa fid-dinja hawn total ta’ 1,118,059 każ ta’ coronavirus ikkonfermat. Minnhom irkupraw 229,153. Intant, kien hemm total ta’ 59,306 mewta. F’Malta issa hawn aktar minn 200 każ tal-coronavirus, bil-maġġoranza tagħhom fi stat ta’ saħħa tajba u li jinsabu rikoverati fi djarhom.