“Iddedika minuta biex tibdel ħajjet xi ħadd”

Ix-xogħol ta’ Crisis Resolution Malta issa ħa spinta internazzjonali hekk kif bħala membri tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju (IASP) bdew kampanja internazzjonali dwar il-prevenzjoni tas-suwiċidju bil-Malti. Dan qed isir permezz tat-tixrid ta’ poster fuq il-midja soċjali li jgħid “iddedika minuta biex tibdel ħajjet xi ħadd”.

Dr Mark Xuereb, il-konsulent tal-kriżijiet, u mexxej ta’ Crisis Resolution Malta, tkellem ma’ Newsbook.com.mt fejn ħabbar li propju fl-10 ta’ Settembru, li hija l-ġurnata nazzjonali dedikata għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, se tara n-numru ta’ Crisis Resolution Malta, jieħu spinta billi jsir numru nazzjonali u jieħu l-appoġġ tal-Gvern.

Il-psikjatra spjega li l-kampanja internazzjonali se tara għexieren ta’ posters fuq il-midja soċjali b’lingwi differenti, inkluż wieħed bil-Malti.

Crisis Resolution Malta huwa l-unika tim dedikat għal każijiet ta’ suwiċidju, b’tim magħmul totalment minn voluntiera li huma kollha professjonijisti li huma kwalifikati. Is-servizz ta’ appoġġ jiġi offrut 24 siegħa kuljum u huwa b’xejn.

Propju l-ġimgħa li għaddiet, Dr Xuereb spjega li wara madwar siegħa mill-ippubblikar tal-artiklu li tkellem dwar kif it-tim ta’ voluntiera qed jiddiskuti mal-Gvern x’jista’ jsir biex is-sistema tkompli tiżviluppa, rċevew telefonata li talbithom jassistu raġel f’Għawdex li kien se jikkommetti suwiċidju. Spjega li dan wassal biex tiġi salvata ħajja. Illum sostna li l-artiklu għadu qed isalva il-ħajjiet.

BREAKING: Crisis Resolution Malta (CRM) is the first local crisis team to raise awareness against suicide and self-harm…

Posted by Crisis Resolution Malta on Sunday, September 2, 2018

Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

1Il-burdata tinbidel.

2Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.

3Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.

4Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

X’għandek tkun taf dwar Crisis Resolution Malta?

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.