Iddeċiedew fuq l-ispeed camera bla ma kellmuna – Kunsill Naxxar

Christoph Schwaiger

Il-Kunsill Lokali Naxxar ikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni li ttieħdet biex tiġi nstallata speed camera fit-triq li taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill, mingħajr dan ma ġie kkonsultat.

Fl-aħħar jiem Newsbook.com.mt żvela li se jkun hemm speed camera b’limitu ta’ 40 kilometru fis-siegħa fin-Naxxar. It-tabelli iktar tard tneħħew u għal dan il-Kunsill esprima s-sodisfazzjoni tiegħu.

AQRA: Filmat: Speed camera ġdida; ma tistax taqbeż l-40 km

Is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt li din l-ispeed camera se ssir però spjegat li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar qatt ma ġie kkonsultat dwarha.

AQRA: Filmat: U-Turn dwar l-ispeed camera fin-Naxxar…imma mhux it-tmiem

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali Naxxar kkundanna bil-qawwa lil Transport Malta u lill-awtoritajiet responsabbli talli ma nfurmawx lill-Kunsill bid-deċiżjoni li ttieħdet, u fakkru li t-triq taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill.

Il-Kunsill sostna li din mhux l-ewwel darba li Transport Malta ħadet deċiżjonijiet mingħajr ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-Kunsill.

Il-Kunsill appella lill-Gvern biex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex l-entatijiet ma jiħdux deċiżjonijiet fil-lokalitajiet jekk ma jkunx hemm qbil mal-Kunsill.