Iddaħħal bi €30 droga fil-ħabs; tintbagħat Kordin

Mara li fl-2010 nqabdet tipprova ddaħħal fil-ħabs mat-€30 eroina, intbagħtet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal tmien xhur u weħlet multa ta’ €900.
Maria Cassar, ta’ 27 sena minn Birżebbugia tressqet il-Qorti fejn qalet li għamlet dan sabiex tgħaddi d-droga lis-sieħeb tagħha Maximillian Ciantar, li f’dak iż-żmien kien qed iservi sentenza fil-Young Offenders Unit (YOURS).
Fil-Qorti nstema’ kif fis-Sette Giugno tal-2010, għas-2:30pm Cassar kellha tgħaddi minn tfittxijiet mill-Pulizija nisa li sabu l-kontenitur li kienet libsa.
Cassar sostniet li s-sieħeb tagħha kien ordnala li ġġiblu din id-droga u kien hu stess li għaddielha l-kuntatt tal-persuna li tissupplixxieh bid-droga. Hi allegat li hu kien heddidha biex tagħmel dan.
Fil-Qorti qalet ukoll li Ciantar kien jabbuża fiżikalment, u missierha kkonferma li darba kien innota li bintu kellha għadd ta’ tbenġil, iżda sostna li qatt ma kien qalilha xejn dwar dan.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras sabet lill-mara ħatja, iżda ħadet f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-mara ma kelliex rekord kriminali u qatt ma qalet li ma kinitx ħatja.