Wara li għamlet 40 minuta fl-arja, titjira għal Londra reġgħet irritornat Malta wara li l-pilota ħaseb li kien hemm ħsara f’lock fl-ajruplan.
Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Air Malta li qal li l-pilota ra buttuna mixgħula fil-cockpit li tfisser li xi lock ta’ xi bibien fl-ajruplan ma kienux qed jiffunzjonaw kif suppost. Għal din ir-raġuni, il-pilota ħa d-deċiżjoni li jirritorna sabiex l-ajruplan jiġi ċċekkjat.
Malli wasal Malta l-inġiniera għamlu t-testijiet tagħhom li rriżultaw li l-ajruplan ma kellu l-ebda ħsara imma kien żball tekniku.
Jittardjaw xi titjiriet
Kien hemm ukoll xi titjiriet li ttardjaw illum, bl-aktar waħda affetwata tkun dik għal Lyon. Il-kelliem għall-ajruport spjega li din it-titjira partikolari ttardjat 45 minuta minħabba dak li sejjaħlu “consequential delay”. Spjega li dan ifisser li l-ajruplan ta’ qablu kien tard, allura b’konsegwenza t’hekk it-titjira ttardjat ukoll.
Minbarra din it-titjira spjega li kien hemm xi titjiriet oħra li ttardjaw minħabba slot delays.