Id-Dwana twaqqaf it-tqassim ta’ aktar minn 270,000 prodott falz

Dwana

Read in English.

Id-Dwana ta’ Malta waqqfet it-tqassim ta’ aktar minn 270,000 prodott falz li kienu qed jiġu trasbordati minn Malta fl-aħħar tmien xhur.

Fi stqarrija, id-Dwana spjegat li fl-ewwel tmien xhur tas-sena, 49 kontejner tal-40 pied mimlija prodotti kuntrabandu. Minn dawn il-kontejners id-Dwana ħattet u kkatalgat 23 kontejner li fihom irriżulta li kien hemm:

  • 159,779 par żarbun sportiv;
  • 6,910 pari żraben normali;
  • 46,032 bott deoderant;
  • 25,783 libsa;
  • 9,750 biċċa ħwejjeġ ta’ taħt;
  • 16,500 beritta;
  • 1,828 basktijiet tan-nisa; u
  • 1,796 apparat tal-awdjo.

Intant kien spjegat li s-26 kontejner l-oħra se jkunu qed jinħattu fil-ġimgħat li ġejjin. Qalet li l-valur tal-prodotti, li kieku ntefgħu fis-suq, ilaħħaq €17.3 miljun.

Minbarra dawn id-49 każ, id-Dwana Maltija interċettat ukoll 74 każ ieħor ta’ attentat ta’ importazzjoni ta’ prodotti foloz, maħsuba għas-suq domestiku. Il-maġġoranza ta’ dawn il-każi kienu ta importazzjonijiet permezz ta’ pakketti bil-posta u l-courier. Fost il-prodotti interċettati kien hemm:

  • 1,200 maskri tal-wiċċ;
  • 204 libsa;
  • 17-il baskett tan-nisa;
  • 7 żraben;
  • Telefon ċellulari;
  • Arloġġ;
  • Aċċessorji tal-arloġġi; u
  • Aċċessorji tal-karozzi.

Spjegat li fil-każi kollha qed tittieħed azzjoni legali.