Id-Dwana tinterċetta mal-5,000 kilo raża tal-kannabis

Id-Dipartiment tad-Dwana għadu kemm irreġistra t-tieni l-akbar sejba tad-droga fl-istorja ta’ Malta wara li f’ħidma interċettat 5,020 kilogramma raża tal-kannabis.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-ħidma tad-Dwana bdiet it-Tlieta tard waranofsinhar u li baqgħet għaddejja sa kmieni dalgħodu wasslet għas-sejba ta’ din id-droga ġo vapur tal-merkanzija li kien ġej minn Spanja lejn Malta. Il-bastiment ġie interċettat mid-Dwana fil-Freeport.

Ir-raża tal-kannabis li għandha valur ta’ madwar €7,450,000 kienet sejra għand kumpanija rreġistrata Malta.

L-ispezzjonijiet tad-Dwana sabu ċertu rregolaritajiet fuq il-vapur li wasslu sabiex iwettqu s-sejba. Ir-raża tal-kannabis instabet ġo rukkelli ta’ plastikk li jintuża fl-industrija tal-agrikoltura. Wara li t-testijiet irriżultaw fil-pożittiv, id-Dwana talbet għall-għajnuna mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra Droga.

Infetħet ukoll inkjesta Maġisterjali dwar il-każ, immexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello assistita minn tim ta’ esperti forensiċi.