Ikkonfiskati aktar minn 20miljun sigarett illegali f’inqas minn 24 siegħa

Id-Dwana Maltija kkonfiskat kontejner ieħor mimli sigaretti tal-kuntrabandu.
Din hi t-tieni qabda ta’ dan it-tip mill-Uffiċjali tad-Dwana f’dawn l-aħħar jiem u t-tielet li saret ilbieraħ.
Fil-kontejner li waqaf Malta fi triqtu għall-Ingilterra nstabu 10miljun sigarett bla dazju.
Inizjalment dan il-kontejner kien irreġistrat mad-Dwana li kien qed iġorr xi pajpijiet, madanakollu meta dan ġie spezzjonat mill-uffiċjali tad-Dwana dawn sabu fih miljuni ta’ sigaretti moħbija taħt il-pajpijiet.
Din kienet it-tielet qabda ta’ dan it-tip f’inqas minn 24 siegħa hekk kif aktar kmieni lbieraħ id-Dwana ta’ Malta qabdet 10.9 miljun sigarett f’kontejner li sippost kellu jġorr basktijiet tal-plastik kif ukoll $17,000 mingħand raġel li kien għadu dieħel minn Benghazi fil-Libja matul il-lejl li għadda.