Id-Dwana tikkonfiska 200,000 sigarett f’Ħal Safi

L-Uffiċċjali tad-Dipartiment tad-Dwana llum ikkonfiskaw 200,000 sigarett kuntrabandu minn propjetà f’Ħal Safi.

Fi stqarrija ġie spjegat li s-sejba saret wara xhur ta’ sorveljanza, b’garaxx f’Ħal Safi jkun iċ-ċentru tal-attenzjoni. Dalgħodu, is-Sezzjoni tal-Infurzar, akkumpanjata mill-Pulizija, għamlet it-tfittxijiet fuq il-propjetà. Hemm instabu 1,000 pakkett sigaretti. Kull pakkett kien fih 200 sigarett.

Il-valur totali tas-sigaretti huwa dak ta’ €46,000. Is-sigaretti ġew ikkonfiskati sakemm il-Pulizija tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha.

Id-Dipartiment tad-Dwana inkoraġġixxa lill-pubbliku sabiex jekk isir jaf dwar xi kuntrabandu, jinforma lid-Dipartiment b’mod anonimu billi jċempel fuq 25685124.