Id-Dwana tbigħ bl-irħis eluf ta’ fliexken ikkonfiskati

Dwana offerta irħis fliexken

Id-Dipartiment tad-Dwana se jbigħ numru ta’ fliexken ta’ xorb alkoħoliku li nqabad b’offerta.

Il-fliexken tax-xorb jikkonsistu f’whiskey, vodka, gin, bacard, brandy, rum, xampanja, inbejjed u birer, li nqabdu mid-Dwana f’dawn l-aħħar xhur. Dan qalu d-Dipartiment fi stqarrija, fejn spjega li dan qed isir permezz ta’ Artiklu 38 ta’ Kapitlu 382 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Flimkien ma’ dan ix-xorb maqsum f’134 lott, se jinbiegħu b’offerta wkoll 5 lottijiet ta’ sigaretti u sigarri.

Il-bejgħ bl-offerta se jsir nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru, f’nofsinhar, iżda l-pubbliku għandu ċans jara x’se jkun hemm għall-bejgħ mit-Tnejn 1 t’Ottubru bejn it-8am u 12pm u bejn 12.30pm u t-3.30pm. L-affarijiet jinsabu għall-wiri fi Newport Bonded Stores, il-Marsa, u f’Barriera Bonded Stores, fix-Xatt tal-Belt Valletta.