Id-Dwana taqbad passiġġier iġorr €16,600 mhux iddikjarati

Uffiċjali tad-Dwana mit-taqsima tal-ħasil tal-flus żammew passiġġier arrestat wara li nqabad iġorr ammont sostanzjali ta’ flus li ma kinux iddikjarati.

Ir-raġel Taljan-Amerikan kien għaddej mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li wasal minn titjira mill-Istati Uniti. Id-Dwana ta’ Malta waqqfet lir-raġel wara li l-bagalji tiegħu għaddew mill-magna tal-XRAY fejn ġew skopruti ammont sostanzjali ta’ flus li rriżulta li ma kinux iddikjarati.

Mill-ispezzjoni tal-uffiċjali tad-Dwana Maltija rriżulta li fil-bagalja kien hemm €16,600 u $114 ppakkjati f’pakketti. €10,000 ngħataw lura lir-raġel filwaqt li l-kumplament tal-flus ġew ikkonfiskati mill-awtoritajiet. Ir-raġel inżamm arrestat mill-Pulizija tat-Taqsima tar-reati Ekonomiċi sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni.

Huwa mistenni jittella’ l-Qorti fil-jiem li ġejjin.