Id-Dwana taqbad kontenitur bil-piroteknika għat-taparsi ġugarelli

Read in English.

Id-Dwana qabdet kontenitur bil-piroteknika, li għat-taparsi kien fih karozzi tal-logħob u blalen tal-plastik.

Il-kontenitur kien ġej miċ-Ċina u tniżżel fil-Port il-Ħieles, fi triqtu lejn il-Libja.

Dan kien wieħed mill-ħafna kontenituri li skenjat id-Dwana lbieraħ. Mill-isken dehru diversi inkonsistenzi, anke waqt li l-uffiċjali tad-Dwana bdew jispezzjonaw il-kontenitur. Huma sabu għadd ta’ żraben sportivi jgħattu l-konsenja ta’ aktar minn 900 kartuna tal-piroteknika, li kienet tiżen aktar minn 24,000 kilo.

Fi stqarrija tad-Dwana ntqal li f’mumenti delikati bħal dawn, minkejja l-imxija tal-coronavirus, l-uffiċjali tad-Dwana qegħdin jaraw li jipproteġu l-fruntieri Maltin minn attivitajiet illeċiti.