Ritratti: Id-Dwana taqbad ammont ta’ eroina u kokaina moħbija f’fajl

Id-Dwana sabet ammont sostanzjali ta’ eroina u kokaina moħbija fid-dahar ta’ fajl tal-ġilda.
L-intervent seħħ dal-lejl, ftit wara nofsillejl, xħin Niġerjan twaqqaf fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-bagalja li kien qed iġorr għaddiet mill-X-ray.
Il-fajl instab fil-bagalja li kellu r-raġel, taħt il-ħwejjeġ, u fiha kien hemm tliet pakketti.
Pakkett bi trab kannella kien moħbi fuq naħa tal-fajl, u żewġ pakketti oħra kienu moħbija fuq in-naħa l-oħra, wieħed bi trab kannella wkoll u ieħor bi trab bajdani.
Wara li saru xi testijiet narkotiċi fuq il-post, ġie kkonfermat li t-trab kannella kien eroina, u t-trab bajdani kokaina.
Ir-raġel inżamm mill-Pulizija u se jitressaq il-Qorti.