Id-Dwana tikkonfiska 4,134 flixkun impurtati f’Malta bla ħlas tat-taxxa

Id-Dipartiment tad-Dwana rnexxielu jaqbad 4,134 flixkun ta’ xorb mhux alkoħoliku li ddaħħlu f’Malta mingħajr ma tħallset it-taxxa.

Is-sejba saret f’garaxx is-Swatar, li jintuża bħala maħżen minn ħanut ta’ barbier f’Bormla.

Fi stqarrija, id-Dwana spjegat li ilha tinvestiga n-negozju ta’ dan il-ħanut bħala parti mill-ħidma ta’ Joint Enforcement Task-force (JET). L-investigazzjoni wasslithom fil-garaxx fis-Swatar fejn sabu aktar minn 4,000 flixkun impurtati f’Malta illegalment.

Is-sid tan-negozju ma kellux ir-reġistrazzjoni meħtieġa sabiex jimporta l-prodotti u jagħmel in-negozju bihom.

JET hija ħidma kollaborattiva bejn id-Dipartiment tad-Dwana u d-Dipartiment tat-Taxxi.