Id-Dwana ta’ Malta bit-tielet l-iżjed oġġetti miżmuma fl-UE

Customs

Fl-2018, id-Dipartiment tad-Dwana ta’ Malta qabad it-tielet l-iżjed ammont ta’ oġġetti b’kuntrabandu. Dan fost id-dwana tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (UE).

Ċifri maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea juru li f’Malta kien hemm żieda ta’ 63% mill-2017 għall-2018 fl-ammont t’oġġetti li nqabdu. Infatti, il-każi żdiedu minn 64 każ fl-2017, għal 186 każ fl-2018. Id-dwana tal-Ġermanja u tal-Greċja kienu li ħadu l-ewwel u t-tieni post għall-ammont t’affarijiet li nqabdu fl-2018.

Aqra: Filmat: Id-Dwana tinterċetta 91,000 mowbajl, 47 miljun sigarett u 31,000 ballun

Id-Dipartiment tad-Dwana f’Malta interċetta ‘il fuq minn 91,000 mowbajl, 277,000 aċċessorji tax-xagħar u prodott ta’ sbuħija, 47 miljun sigarett, 31,000 ballun tal-futbol u 126,000 ħwejjeġ u żraben. Dan fl-2018.

L-għadd ta’ oġġetti miżmuma fl-UE żdied fl-2018 minħabba ammont kbir ta’ pakketti żgħar mibgħuta b’servizzi espress u postali. Id-dwana tal-Istati Membri tal-UE f’daqqa kellhom 69,354 każ t’oġġetti b’kuntrabandu. Dan ifisser li kien hemm daqs 26.7 miljun prodott suspettati li jmorru kontra liġijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’valur ta’ l’ fuq minn €738 miljun. Iċ-Ċina għadha l-pajjiż ta’ oriġini ewlieni għal dawn l-oġġetti.

L-iżjed oġġetti miżmuma kienu s-sigaretti, li ammontaw għal 15% tal-ammont globali ta’ oġġetti miżmuma. Prodotti għall-użu personali ta’ kuljum fid-dar bħal mediċini, ġugarelli u affarijiet oħra, ammontaw għal kważi 37% tal-għadd totali ta’ oġġetti miżmuma.