Id-Dwana ssib €30,000 flus mhux iddikjarati

Id-Dipartiment tad-Dwana ħabbar li sab €30,230 mhux iddikjarati moħbija f’vettura ġejja Malta minn Sqallija.

Ir-raġel li kien fil-possessjoni tal-flus huwa Ċiniż li joqgħod l-Italja. Hu kien qed jivvjaġġa bil-karozza u twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana bħala parti mir-rutina tagħhom. Huma staqsew lill-passiġġier jekk kellux xi ħaġa x’jiddikjara, u hu qal li kien qed iġorr bagalji vojta u €50 flus kontanti.

Meta l-uffiċjali fetħu waħda mill-bagalji, sabu €10,000 flus kontanti moħbija. Aktar tiftix fil-vettura rriżulta fis-sejba ta’ €10,000 moħbija fil-but ta’ quddiem tal-karozza, u €10,000 oħra moħbija fil-qalziet tar-raġel. Kellu fuqu wkoll karta tal-€50 u karta tal-€100.

Il-passiġġier ngħata l-€10,000 li kellhom jingħatawlu, imma l-bqija tal-flus inżamm mid-Dwana u ngħata lit-Taqsima tal-Pulizija għall-Kriminalità Ekonomika flimkien mal-passiġġier, li qed jinżamm arrestat sakemm jitressaq il-Qorti għada.