Id-Dwana b’sejba ta’ 14-il kilogramma kannabis fl-ajruport

Read in English.

Id-Dipartiment tad-Dwana għamel sejbiet li flimkien jammontaw għal 14-il kilogramma tal-kannabis fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fi stqarrija kien spjegat li waqt moniteraġġ ta’ rutina nstab li żewġ passiġġiera li kienu ġejjin minn Seville fi Spanja kellhom fuqhom 13.95 kilogrammi ta’ Kannabis.

Il-koppja waslu Malta minn Seville u wara li ġabru l-bagalji tagħhom kienu direzzjonati mill-Uffiċjali tad-Dwana biex isiru xi tfittxijiet fil-bagalji tagħhom. L-ewwel il-bagalji għaddew minn makkinarju fejn l-xray indika li kien hemm xi sustanzi illegali. It-tfittxijiet sabu li kien hemm 13-il basket tal-plastik. F’bagalja waħda kien hemm sebgħa basktijiet li flimkien jiżnu 7.60 kilogrmma u f’bagalja oħra kien hemm sitt basktijiet li flimkien jiżnu 6.35 kilogramma.

Saru wkoll tfittxijiet fuq il-persuni fejn ġiet elevata borża żgħira tal-plastik li kien fiha trab abjad li wara rriżulta li kien kokaina.

Il-passiġġiera u d-drogi kienu mgħoddija lill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga tal-Korp tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijet. Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu quddiem il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Din hija t-tieni sejba tat-tip fl-aħħar ġimgħat li kienet ġejja minn Seville, u t-tielet sejba tat-tip li oriġinat minn Spanja.