Id-droga tinfettalek moħħok; spiċċajt nisraq lil tal-familja – L-istorja ta’ Chris

KONT NISRAQ LIL KULĦADD!

FEJN HU ĦUK?: Il-ħabsi u l-vittma

Posted by St George's Basilica on Saturday, October 17, 2020

Chris Ryan sostna li meta wieħed jaqbad il-vizzju tad-droga jispiċċa sabiex din tinfettalu moħħu u ma jibqa’ jara xejn ħlief lilha. Hu spjega li saħansitra kien spiċċa jisraq mingħand tal-familja.

Chris qal dan waqt li kien qed jitkellem ma’ rappreżentanti tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, bil-filmat tal-intervista jixxandar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Bażilika.

“Kont nisraq lil kulħadd anke lil tal-familja, ma jibqalekx rispett. Lanqas jibqalek rispett lejk inniffsek, tieħu d-droga u tpejjep, ħa jibqalek rispett lejn ħaddieħor?” qal Chris. Sostna li ma jistħix jgħid li kien jisraq filgħodu u jpejjiphom sa filgħaxija.

Chris beda jieħu d-droga meta kellu 13-il sena u meta ma kienx ikollu flus biex jixtriha kien jisraq. Ta’ 17-il sena hu kien weħel il-ħabs.

“Però jien dejjem għamiltha ma’ min hu ikbar minni fi żmien sew. Kienu jdaħħluni minn but u joħorġuni minn but ieħor. Jiena bdejt bid-droga bil-qadi, kienu jgħiduli għamilli pjaċir wassal din lil dak. Imbagħad biż-żmien bdejt noħodha. Bdejt niġbed il-kokaina, hekk bdejt. Imbagħad bdejt inpejjipha. Kont nikkonċentra fuqha. Tinfettalek kull rokna li għandek f’moħħok u tħares fejn tħares tara biss il-kokaina,” spjega Chris.

“Annimal jittrattawh aħjar minn priġunier”

Meta spiċċa l-ħabs, insista li hu kien ħadha kontra l-ġustizzja u ma setax jifhem għaliex spiċċa hemm ġew.

“Kien l-agħar żmien ta’ ħajti. Annimal jittrattawh aħjar minn priġunier. Tefgħuni ġo diviżjoni ta’ sigurtà massima minħabba li kont għadni minorrenni. Kont ngħid din (il-ġustizzja) ma tefgħetnix hawn biex nitgħallem imma biex tikkastigani. Hekk ħadtha ta’ 17-il sena. Għamilt l-ewwel sena ma ridtx naċċettaha. Imma Alla l-unika ħaġa li jibqa’ hemm,” irrimarka hu.

Spjega li għadda minn xifer il-mewt kemm-il darba meta kien il-ħabs. Kien jidħol fi ġlied u kien iweġġa’ lilu nniffsu. Qal li meta kien il-ħabs beda jirċievi sentenza wara sentenza u kien spiċċa b’sentenza ta’ seba’ snin ħabs.

“Fl-aħħar mill-aħħar qbadt lili nniffsi, għidt ili sentejn diġà hawn, u ma nafx fejn qiegħed. Minjaf meta ħiereġ. Għidt irrid nagħmel xi ħaġa f’ħajti, u minn hemm applikajt għall-programm. Dak iż-żmien kont ġo confinement għax kont għaddej b’xi ġlied ma’ xi ħadd. Kont mort il-programm u kien l-ewwel opportunità li kelli,” irrimarka Chris.

Jiltaqa’ ma’ persuni li kien seraqhom…

Meta kien il-ħabs, Chris iltaqa’ man-nies li kien seraqhom. Qal li l-ewwel ħaġa dak li jkun iħoss vojt kbir fih għax ma jkunx jaf x’se jgħidulu l-vittmi tiegħu. Qal li staqsewh għaliex kien seraqhom. Insista li f’sitwazzjoni bħal din ma tħossokx tajjeb, kien konxju li dak li serqilhom, li seta’ kien ta’ valur sentimentali għalihom, ma jistax jirritornah.

Chris illum

Illum il-ġurnata, Chris ħareġ mill-ħabs u qed jaħdem bħala kok. Qal li hu beda jsajjar meta kien il-ħabs u anke attenda għal xi lezzjonijiet mill-ITS. Meta ħareġ mill-ħabs, ħadem f’diversi ristoranti u lukandi bħala kok.

Illum għandu wkoll tifla ta’ ħames xhur mas-sieħba tiegħu.

Fejn hu ħuk?

Din l-intervista ma’ Chris saret bħala parti mill-promozzjoni tal-inizjattiva “Fejn hu ħuk?” Din l-inizjattiva qed toffri opportunità biex persuna tadotta ħabsi u vittma. L-inizjattiva qed titmexxa mill-Bażilika ta’ San Ġorġ.

Min jixtieq ikun parti minn dan il-proġett jista’ jibgħat messaġġ bil-kelma “ħabsi” fuq 79990234 u jkun ikkuntattjat lura. Il-proġett li beda din is-sena se jkompli għaddej sal-2022.

Għandek xi esperjenza li trid taqsam magħna? Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt