Id-droga fil-Port Ħieles dieħla minn “ċrieki b’saħħithom”

Dwana

Mill-bidu tas-sena s’issa nstabu mal-€58 miljun fi droga kokaina mid-Dipartiment tad-Dwana. Newsbook.com.mt staqsa lid-Dipartiment dwar x’inhi s-sitwazzjoni b’rabta ma’ dawn is-sejbiet kollha.

Kelliem għad-Dipartiment qal li min jaħseb li l-ġlieda ta’ kontra d-droga xi darba tista’ tintrebaħ kompletament sejjer żbaljat. Spjega li ċ-ċrieki kriminali internazzjonali wara din l-attività huma b’saħħithom ħafna.

“Ħafna drabi jkunu żewġ passi qabilna. Però jkun hemm perjodu meta nkunu aħna żewġ passi qabilhom. Dan hu perjodu minnhom. Aktar ma nkunu kapaċi ntawwlu dan il-perjodu, aktar insalvaw ħajjiet,” qal il-kelliem.

Id-Dwana qalet li rnexxielha tirdoppja l-każijiet pożittivi fejn tidħol id-droga kokaina. Is-sigriet għas-suċċess kien l-investiment li sar fl-għodda fil-Port Ħieles li wassal lill-uffiċjali jaħdmu aħjar. Sar investiment ukoll fir-riżorsi umani u taħriġ aktar frekwenti.

Intqal ukoll li teżisti kollaborazzjoni u kooperazzjoni sħiħa bejn id-Dwana Maltija u aġenziji oħra kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Il-kelliem qal li jekk id-Dwana titkellem dwar ċertu informazzjoni li jkollha fil-pubbliku titlef il-vantaġġ li jkollha. Qal li ma jistax jelabora aktar però qal li hemm taħlita ta’ fatturi differenti li qed jikkontrobwixxu għal dan is-suċċess. Żied jgħid li r-riżultati juru li meta n-nies tad-Dwana jingħataw l-ispazju neċessarju biex jagħmlu xogħolhom, dawn iġibu r-riżultati.

Id-drogi kif qed jispiċċaw fil-containers?

“Bħalissa peress li l-investigazzjonijiet huma għaddejjin, m’aħniex fil-libertà li nidiskutu ċertu informazzjoni li tista’ teffetwa l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u ta’ Aġenziji oħra barranin,” qal il-kelliem.

Mistoqsi dwar kif il-containers jispiċċaw f’idejn it-traffikanti tad-droga meta jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, il-kelliem reġa’ qal li ma setax jiddiskuti dan minħabba l-investigazzjonijiet li qed isiru.

Kull container jiġi spezzjonat?

Skont id-Dwana, il-Port il-Ħieles ta’ Malta huwa fost l-aktar wieħed attiv fid-dinja meta wieħed iqis id-daqs ta’ Malta.

“Ix-xogħol kollu li jidħol Malta jiġi skenjat, però huwa impossibli li dak ix-xogħol kollu li jittranżità minn Malta jiġi skenjat,” qal il-kelliem. Fakkar li kull siegħa jgħaddu eluf ta’ containers mill-port.

Spjega li xogħol il-Container Monitoring Unit huwa li jeżamina x-xogħol kollu li jgħaddi mill-port u permezz ta’ risk assessment jara liema huma dawk il-containers ta’ interess. “Madanakollu, minn żmien għal żmien, u nħallu wkoll l-element tas-sorpriża f’idejna, nagħmlu ħidma li tulhom nagħmlu 100% scanning,” temm jgħid il-kelliem.

Ritratti: Sejba ta’ 24 kilo kokaina f’container ġej mill-Amerka t’Isfel

Però hawnhekk tidħol il-Container Monitoring Unit. Xogħla huwa li jeżaminaw ix-xogħol kollu li jgħaddi mill-port ħieles u permezz ta’ Risk Assessment jaraw liema huma dawk il-kontejners ta’ interess. Madankollu, minn żmien għal żmien, u nħallu wkoll l-element tas-sorpriża f’idejna, nagħmlu operazzjonijiet li tulhom nagħmlu 100% scanning.

Ritratti: Sejba ta’ kokaina b’valur ta’ €10 miljun

Skont id-Dipartiment tad-Dwana s-sena l-oħra kienet waħda rekord fejn jidħol is-sekwestru tal-kokaina. Instabu total ta’ 285 kilo. Din is-sena, f’madwar 14-il ġimgħa d-dipartiment qabeż ir-riżultat tas-sena l-oħra bi kważi d-doppju.

Fl-2016 l-EMCDDA (Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għad-Drogi u l-Vizzju tad-Droga) qal li l-kokaina hija l-aktar droga llegali ta’ stimulazzjoni komuni fl-Ewropa. Huwa stmat li bejn 3.6 miljun persuna ta’ bejn il-15 u 64 sena użaw il-kokaina fl-2015. Hija t-tieni l-aktar droga sekwestrata fl-Ewropa wara l-kannabis. Intqal li l-kokaina tiġi ttraffikata lejn l-Ewropa minn pajjiżi tal-produzzjoni tagħha fl-Amerka t’Isfel bl-ajru jew minn fuq il-baħar b’diversi metodi u rotot.