“Nirrispettaw, anke jekk immorru kontra l-kurrent” – Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku jisħaq kontinwament fuq id-dinjità umana

Fil-Jum dedikat għad-Drittijiet Umani, il-Papa Franġisku appella biex “inpoġġu d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politika, inkluż il-politika ta’ żvilupp, anke jekk dan ikun ifisser li mmorru kontra l-kurrent.”

Il-Vatikan f’dawn il-jiem organizza konferenza internazzjonali ta’ jumejn biex ifakkar is-70 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani u l-25 anniversarju mid-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna u l-Programm ta’ Azzjoni dwar dawn id-Drittijiet. Il-Konferenza bit-tema “Id-Drittijiet Umani fid-Dinja Kontemporanja – Kisbiet, Nuqqasijiet, Negozjati” kienet organizzata mid-Dekastru għall-Iżvilupp Integrali Uman.

F’messaġġ lill-Konferenza li nqara mill-Kadinal Turkson, il-Papa Franġisku rrikonoxxa li permezz ta’ dawn iż-żewġ dokumenti “il-familja tan-nazzjonijiet għarfet li kull persuna għandha dinjità indaqs. Dawn huma drittijiet universali, indiviżibbli, interdipendenti u marbuta flimkien “u huma magħġuna fin-natura tal-persuna umana inseparabbli mir-ruħ u l-ġisem.”

Din is-sena meta qed jitfakkru dawn iż-żewġ anniversarji, toffri opportunità biex nirriflettu fuq ir-rispett li għandna għad-drittijiet umani ta’ kull persuna fis-soċjetà tal-lum. Il-Papa Franġisku appella biex “tingħata attenzjoni speċjali lil dawk l-aktar vulnerabbli fil-komunitajiet tagħna.” Meta wieħed iħares lejn is-soċjetà kontemporanja jara diversi kontradizzjonijiet “li jwassluna biex nistaqsu lilna nfusna jekk il-Karta tad-Drittijiet tan-NU hix rikonoxxuta, rispettata u protetta f’kull ċirkostanza.”

Il-Papa żied jgħid li llum għadhom jippersistu diversi forom ta’ inġustizzja “sostnuti minn viżjoni antropoloġika ridotta u mudelli ekonomiċi bbażati fuq il-profitt li ma jiddejqu xejn jisfruttaw, iwarrbu u saħansitra joqtlu l-bniedem.”  Filwaqt li ħafna jgħixu fil-għana u l-ġid, ħafna oħra “għandhom id-dinjità tagħhom injorata, disprezzata u mirfusa u d-drittijiet bażiċi tagħhom injorati u miksura”.

Il-Papa Franġisku dawwar ħarstu fuq dawk li “huma suġġetti għal atti ta’ intolleranza, diskriminazzjoni u vjolenza għal raġunijiet etniċi, razzjali, nazzjonali jew twemmin reliġjuż” u insista li ma jistax jinsa lil dawk li huma vittmi tat-traġedji tal-kunflitti armati “filwaqt li merkanti tal-mewt, bla skruplu jistagħnew bil-prezz tad-demm ta’ ħuthom.”

“Aħna lkoll imsejħa biex b’kuraġġ u determinazzjoni nikkontribwixxu” mill-pożizzjonijiet    rispettivi tagħna. B’mod speċjali, aħna l-Insara li għalina l-ġustizzja u s-solidarjetà għandhom tifsira speċjali. Il-Vanġelu jistedinna nimxu b’kumpassjoni meta nħarsu lejn ħutna aktar vulnerabbli u nagħmlu minn kollox biex intaffulhom it-tbatija,” kiteb il-Papa.

Papa Franġisku wera t-tama li “dawn il-jiem ta’ riflessjoni jqajmu kuxjenza u jispiraw inizjattivi mmirati biex nipproteġu u nippromwovu d-dinjità umana.”