Id-drittijiet tal-ħaddiema Għawdxin jiġu qabel tar-robots – Delia

EPP

Adrian Delia indirizza l-inġustizzja li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ Għawdxin, u qal li Joseph Muscat missu jiddiskuti d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema minflok tar-robots.

Il-prijoritajiet u l-isfidi li jaffaċċjaw l-Għawdxin ġew diskussi waqt konferenza organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola. Il-konferenza kien jisimha Għawdex Jikber bħala Reġjun: Saħħa, Trasport, Fondi Ewropej. Din saret f’Għawdex stess u ġiet indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, minn Metsola nfisha, minn Membri Parlamentari Għawdxin u rappreżentanti ta’ NGOs Għawdxin.

Delia qal li d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni li jieħu l-Gvern għandhom jiġu indirizzati immedjatament. Huwa rrakkonta kif wieħed qallu li jaħdem Malta iżda l-paga tmur kollha għall-ispejjeż tal-ħajja, u ieħor li jaħdem Għawdex għandu impjieg aktar baxx mil-livell tiegħu. Qal li l-Għawdxin lanqas jingħataw għażla fejn jaħdmu u x’jagħmlu, minħabba s-sitwazzjoni diffiċli li jsibu ruħhom fiha.

Delia semma kif din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern irid jibda jaħdem fuq id-drittijiet tar-robots. Delia kompla jgħid li qabel ma jitkellem fuq ir-robots, il-Gvern jeħtieġ li jaħdem aktar fuq id-drittijiet tal-ħaddiema, tal-Għawdxin, ta’ kull min qed jikseb taħriġ jew qed ifittex xogħol, fuq il-bnedmin.

Skont Delia, il-Gvern abbanduna numru ta’ setturi, pereżempju semma li fil-lista ta’ toroq li ħareġ li se jirranġa l-Gvern, ma tissemmiex triq waħda f’Għawdex.

Il-Gvern għandu jassigura fondi Ewropej – Metsola

Fid-diskors tagħha, l-MEP Roberta Metsola qalet li hekk kif l-UE qiegħda tinnegozja l-baġit finanzjarju li jmiss, il-Gvern għandu jieħu l-opportunità u jassigura fondi kemm jista’ għal Malta, biex uħud minnhom jużahom għal Għawdex u għat-titjib ta’ kwalità tal-ħajja għall-Għawdxin.

Kompliet tgħid li fil-preparazzjoni tagħha għall-baġit tal-UE, qed tiltaqa’ ma’ numru ta’ Kummissarji Ewropej biex tiddiskuti l-prijoritajiet għall-Maltin u l-Għawdxin, fosthom mal-Kummissarju għall-Edukazzjoni li miegħu insistiet għal aktar fondi għal programmi edukattivi.

Metsola semmiet ukoll il-bżonn għar-raba’ vapur tal-Gozo Channel, proposta li semmiet ukoll l-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu din il-ġimgħa. 

55% tal-bini f’Għawdex jaħdem b’enerġija alternattiva

Fil-konferenza tkellem ukoll l-inġinier Simon Mizzi. Mizzi tkellem dwar is-sostennibiltà ambjenta ta’ Għawdex fejn esprima x-xewqa li Għawdex jiġi 100% dipendenti mill-enerġija alternattiva. Huwa qal li 55% tal-bini kollu f’Għawdex għandu xi forma ta’ appart li jiġġenera enerġija alternattiva, li fil-parti l-kbira tagħhom huma pannelli fotovoltajiċi. Qal li din hija l-ogħla rata mir-reġjuni kollha f’Malta u għaldaqstant jaħseb li l-mira li għandu hu hija possibbli.