Id-dritt tal-governanza tajba għandu jidħol fil-Kostituzzjoni – Grech

Id-dritt tal-governanza tajba għandu jkun dritt sanċit fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, skont il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Grech qal hekk fi tmiem żjara li kien għamel lill-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

Hu insista li l-uffiċċju għandu jissaħħaħ billi jingħata s-saħħa eżekuttiva biex jitlob informazzjoni mingħand l-entitajiet li jkun qiegħed jinvestiga bil-poter li jimponu sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas.

“Il-fatt li diversi persuni jitolbu l-assistenza tal-Uffiċċju tal-Ombudsman ifisser li din l-istituzzjoni tagħti sens ta’ tama liċ-ċittadin u huwa propju għalhekk li l-kredibbilta’ tagħha hija fundamentali għal pajjiżna għaliex il-poplu qiegħed ipoġġi l-fiduċja tieghu fiha. Hu anki f’dan il-kuntest li d-dritt tal-governanza tajba għandu jkun dritt sanċit fil-Kostituzzjoni tagħna għaliex dan biss verament joffri lil kull persuna s-sens ta serenità u trankwillita’ f’istituzzjonijiet li jaħdmu,” qal Grech.

“Li jiddaħħal id-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala prinċipju bażiku fil-Kostituzzjoni jfisser, li l-individwu jingħata għodda legali effettiva sabiex jeżerċita dan id-dritt u b’hekk ikun jista’ jżomm lill-aworità pubblika responsabbli.”