Iż-żgħażagħ tagħna għandhom id-dritt li jkollhom futur – Papa Franġisku

Il-Papa jindirizza l-awtoritajiet ċivili u l-korp diplomatiku fil-Panama

Fl-ewwel diskors uffiċjali tiegħu fil-Panama fejn qed jattendi għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, il-Papa Franġisku qal li id-dritt li jkollna futur hu dritt uman li għandu jkun rikonoxxut u rispettat.

Papa Franġisku għamel din id-dikjarazzjoni waqt li kien qed ikellem uffiċjali governattivi fosthom Ministri u dinjitarji oħra kif ukoll lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal dan il-pajjiż.

F’dan id-diskors kif rappurtat mill-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenit,” il-Papa qal li hu possibbli li nibnu dinja ġdida u ż-żgħażagħ “qed iħeġġuna ngħinu fil-bini ta’ din id-dinja ġdida biex il-ħolm tagħna jsir realtà u noħolqu kuntratt soċjali li bih kulħadd ikollu ċans joħlom għal futur aħjar.”

Meta tkellem dwar il-futur taż-żgħażagħ, Papa Franġisku qal li l-Panama li f’dawn il-jiem qed tilqa’ fiha l-ħolm ta’ ħafna żgħażagħ, qed terġa’ ssir “art tal-ħolm” li jisfida l-ħafna ċertezzi ta’ żmienna u jiftaħ orizzonti importanti ġodda li jistgħu jtejbu t-triq ‘il quddiem permezz tar-rispett u l-kumpassjoni.

“Kull wieħed minnkom għandu post u sehem speċjali fil-bini ta’ dan in-nazzjon u hu msejjaħ biex jassigura li dan il-pajjiż jista’ jgħix il-vokazzjoni tiegħu li jkun pajjiż li jsejjaħ u jlaqqa’,” sostna Papa Franġisku.

Dan jitlob deċiżjonijiet, impenn u sforz kontinwu biex nassiguraw li kulħadd ikollu l-opportunità li jħossu aġent tad-destin tiegħu, tal-familja tiegħu u tal-pajjiż kollu.

“Mhux possibbli li taħseb fil-futur ta’ soċjetà mingħajr il-parteċipazzjoni attiva ta’ kull wieħed mill-membri tagħha, b’mod li d-dinjità tiegħu jew tagħha tkun rikonoxxuta u garantita b’aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità u xogħol dinjituż,” sostna l-Papa. Dawn iż-żewġ realtajiet jgħinu biex nirrikonoxxu u napprezzaw il-ġenju u d-dinamiżmu kreattiv ta’ dawn in-nies.

Ta’ min jinnota li dan hu s-26 Vjaġġ Apostoliku tal-Papa Franġisku li fihom żar mhux anqas minn 40 pajjiż differenti.