“Id-dritt għal familja m’għandux ikun askapitu tad-drittijiet tal-embrijun” – patoloġisti

Il-Kulleġġ Malti tal-Patoloġisti sostna li d-drittijiet tal-ġenituri għandhom ikunu bbilanċjati mad-drittijiet tal-embrijun. 
Dan hekk kif isostnu li l-interess ta’ individwu li jibda familja m’għandux jitqies aktar importanti mill-protezzjoni tal-embrijun.
Il-Kulleġġ jirrapreżenta professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jipprovdu servizzi patoloġiċi bħall-ġenetika, li hija r-raġuni primarja għalfejn iddeċidew li joħorġu pożizzjoni dwar is-suġġett.
Dwar l-iffriżar tal-embrijuni, sostna li l-użu tal-kliem ‘embrijun’, ‘bajda fertilizzata’, ‘ċellola fertilizzata’ u xi kultant ‘ċelloli tal-bajd fertilizzat’, daqs li kieku jfissru l-istess ħaġa, huwa skorett. Spjega li dan mhux talli huwa xjentifikament skorrett, iżda jimplika li l-embrijun huwa biss massa ta’ ċelloli bla identità umana. 
Sostna li l-embrijun huwa kreatura umana kompluta ġenetikament, u awtonoma, jiġifieri ħaġa separata mill-ġenituri tagħha. Għaldaqstant, jekk tkun fl-ambjent neċessarju għaliha, hemm il-potenzjal li tiżviluppa f’persuna adulta.
Il-Kulleġġ kompla jgħid li fl-istadju tal-iffriżar, l-embrijuni dejjem ikunu f’risku li jintilfu, speċjalment minħabba li jista’ jkun hemm ħsarat tekniċi fil-makkinarju li qed iżommhom ħajjin.
Fil-pożizzjoni tagħhom il-patoloġisti rrimarkaw li skont riċerka dwar il-koppji li jużaw l-IVF, 80% minnhom huma kontra l-idea li jagħtu l-embrijuni ż-żejda li jkunu ffriżati għall-addozzjoni. 
Sostnew ukoll li meta koppji tal-istess sess jiġu biex ikollhom it-tfal, ikunu jippreferu li jmorru għal embrijuni li jkunu ġenetikament relatati magħhom milli jaddottaw minn grupp ta’ embrijuni ta’ koppji li ma jafux.
Għaldaqstant, il-biża tal-Kulleġġ tibqa’ dik li l-embrijuni li ma jintużawx jispiċċaw eventwalment jaqgħu f’idejn riċerkaturi jew jiġu eliminati. 
“Il-metidoloġija wara d-donazzjonijiet tal-gameti hemm bżonn tiġi kkjarifikata”
Fid-dokument, il-kulleġġ talb sabiex jiġi kkjarifikat il-proċess ta’ kif gameti minn donaturi se jitqabblu ma’ ġenituri li huma kompatibbli ġenetikament. Jirrimarka wkoll li donazzjonijiet tat-tip għandhom isiru mingħajr l-ebda tip ta’ gwadann għad-donaturi.
Problema oħra li jsemmu l-patoloġisti hija li l-informazzjoni ġenetika li tingħata mad-donazzjoni tal-gammeti, jiġifieri l-bajda jew l-isperma, jaf ma tkunx suffiċjenti sabiex teskludi l-mard ġenetiku kollu. Jispjegaw li persuna li jkollha marda ġenetika li tkun għadha ma tafx biha, tista’ tgħaddi din il-marda lill-persuni li jitwieldu mill-użu tal-gammeti li tkun tat.
Spjegaw kif parti importanti minn dan il-proċess huwa l-anonimità, li ma tippermettix li wieħed iżomm kuntatt mal-persuna li tkun tat donazzjoni u għaldaqstant kundizzjonijiet ġenetiċi li jiżviluppaw wara d-donazzjoni jibqgħu mhux magħrufa.
“Il-kiri tal-ġuf se jġib miegħu problemi psikoloġiċi kbar”
Il-Kulleġġ Malti tal-Patoloġisti jemmen li l-kiri tal-ġuf jista’ jġib miegħu problemi psikoloġiċi għall-persuna li tkun qed iġġorr lit-tarbija, kif ukoll għat-tarbija nnifisha li se tqatta’ ħajjitha tistaqsi min hi l-persuna li ġarritha f’ġufha disa’ xhur sħaħ.
Jispjegaw kif se joħloq problemi kbar ukoll meta t-tarbija li tkun għadha fil-ġuf  jiżviluppawlha problemi abnormali fl-iżvilupp. Irrimarkaw li għalhekk jistgħu jinħolqu problemi kbar fejn dawn in-nisa jiġu esplojtati jew ma jingħatawx kura għal kundizzjonijiet ta’ saħħa li jkollhom bżonn jekk dan jista’ jkollu effett negattiv fuq l-embrijun li jkun qed jiżviluppa.