Id-drenaġġ ta’ Għawdex kollu għall-baħar

WSC

Id-drenaġġ ta’ Għawdex se jkun qed imur direttament fil-baħar sa għada filgħodu minħabba rimi llegali ta’ ħmieġ tal-annimali.

Fi stqarrija, il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) qalet li minħabba dan ir-rimi llegali kellha tagħlaq l-operat tagħha fl-impjant tad-drenaġġ ta’ Għawdex. Il-WSC qalet li l-ħmieġ tal-annimali jimblokka l-impjant u joħloq ħsara kbira lill-magni li jiswew il-flus li jintużaw biex jsir in-new water li jingħata lill-bdiewa.

Il-WSC qalet li qed tiġbor informazzjoni dwar dan il-każ biex imbagħad tgħaddiha lill-Pulizija.

Il-korporazzjoni tenniet li l-infrastruttura tad-drenaġġ hija komplessa ħafna u delikata. Qalet li jekk ma jsirx użu tajjeb minnha, tista’ ssir il-ħsara. Huwa importanti li jintrema biss ħmieġ tal-bniedem u toilet paper degradable fis-sistema tad-drenaġġ.

Jekk tixtieq tirrapporta xi llegalità tista’ ċċempel lill-WSC fuq 80076400.