Id-drenaġġ li jidher fir-ritratt huwa trattat – WSC

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalet li dak li jidher fir-ritratt li ttieħed fl-inħawi ta' Ras il-Ħobż qrib l-Impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ f''Għawdex, juri drenaġġ imsaffi. 

B'kumment dwar ir-ritratt li Dr Alan Deidun tella' fuq il-profil tal-Facebook tiegħu, Stefan Cachia, Maniġer għat-Trattrament tad-Drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qal li dak li jidher fir-ritratt huwa drenaġġ trattat u li ma hemmx lok ta' allarm.  

F'kumment li ta lil Newsbook.com.mt fil-jiem li għaddew, il-bijologu marittimu Dr Deidun appella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni immedjata jekk dan huwa riżultat ta' ħsarat fl-impjant, sabiex il-kwalità  tal-ilma titjieb mill-aktar fis minħabba li dan qed iħalli impatt fuq l-ambjent naturali kif ukoll fuq is-settur tad-diving.

Spjega kif ftit tal-ġimgħat ilu kien qed jogħdos fl-inħawi ta’ Mġarr ix-Xini u nnota li l-kwalità tal-ilma ma kinitx mill-aħjar.

Qal ukoll li jinsab infurmat li xi ġimgħat ilu kienu saru xi tiswijiet fl-istess impjant, iżda m’għandux dettalji dwar jekk dan hux relatat.

Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeri kkonċernati u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għadhom ma ġewx imwieġba.