Id-drama bil-Malti fl-iskeda tal-ħarifa

Ritratt: Rewind Productions

L-iskedi televiżivi tal-ħarifa tal-istazzjonijiet lokali waslu wkoll biex jibdew u llum nistgħu niżvelaw id-dati ta’ meta se tkun tistgħu tibdew issegwu diversi produzzjonijiet ta’ drama bil-Malti, il-ġeneru l-aktar popolari fil-gżejjer Maltin.

L-Għarusa – l-aħħar tlett puntati minn din is-sensiela popolari li twaqqfet ħesrem f’Marzu li għadda minħabba li kellu jieqaf il-ġbid minħabba fl-imxija tal-coronavirus. Filwaqt li bħalissa kull nhar ta’ Tlieta TVM qed juri żewġ puntati wara xulxin, l-episodji l-ġodda b’kitba ta’ Audrey Brincat Dalli u produzzjoni ta’ Sharp Shoot Media se jkunu qed jixxandru it-Tlieta 8, 15 u 22 ta’ Settembru fid-8.50pm.

Sorelle – Mit-Tnejn 28 ta’ Settembru Rewind se tkun qed tippreżenta 180 puntata ġdida ta’ din id-drama li titwassal mit-Tnejn sal-Ġimgħa. F’dan l-istaġun se jkunu qed jidhru karattri ġodda filwaqt li se jinbidel il-ħin li se jixxandar u minflok fit-3pm, l-episodji l-ġodda se jkunu qed jitwasslu fl-3.45pm, dejjem fuq TVM. Bħalissa wieħed jista’ jsegwi r-repetizzjoni tal-ewwel staġun mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-1.15pm fuq TVM2. Kuljum qed jitwasslu żewġ puntati wara xulxin.

L-Ispettur – Mit-Tnejn 28 ta’ Settembru tibda tixxandar fuq TVM din is-sensiela maqsuma f’10 puntati b’kitba ta’ Mario Philip Azzopardi u bis-sehem ta’ 64 attur Malti li jinkludu lil Mario Micallef, Monica Attard, Lara Azzopardi, Vince Micallef Pulè, Charles Sammut, Marvic Cordina, Narcy Calamatta, Frida Cauchi, Claudia Mizzi, Jurgen Gatt, Fabrizio Fenech, Ray Abdilla, Ramona Mamo DeGiovanni, Maria Laura Fenech, u Clint Chircop.

F’Ġieħ L-Imħabba – 36 puntata ġdida ta’ din is-sensiela ta’ Rewind b’kitba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa fejn se nkomplu nsegwu l-istorja tal-familja Cuppola. Filwaqt li bħalissa r-repetizzjonijiet qed jitwasslu fuq TVM kull nhar ta’ Erbgħa b’żewġ puntati wara xulxin mid-8.45pm, il-puntati l-ġodda se jkunu qed jitwasslu fuq l-istess stazzjon mit-Tlieta 29 ta’ Settembru.

Division 7 – It-tmien u l-aħħar staġun ta’ din is-sensiela popolari se tkun qed titwassal fuq l-istazzjon One mill-Erbgħa 30 ta’ Settembru. Se nkunu qed naraw karattri ġodda interpretati minn Clint Grech, J.C. Scicluna u Renzo Bonello f’din is-sensiela bi produzzjoni ta’ DBA Entertainment. Bħalissa fuq l-istazzjon One kuljum fl-10.30pm qed issir repetizzjoni tal-puntati kollha li xxandru s’issa.

Fattigi – It-tielet staġun ta’ din is-sensiela ta’ Watermelon Media se jkun qed jixxandar mill-Ħamis 1 ta’ Ottubru, dejjem fil-ħin tal-primetime. Bħalissa qed jixxandru wkoll, fl-istess jum, ir-repetizzjonijiet mit-tieni staġun li għandu fost il-protagonisti lil Veronica Farrugia, Lenies Gauci u Sarah Camilleri.

Nostalġija – B’kitba ta’ Ronald Saliba din is-sensiela f’35 puntata se tkun qed titwassal fuq TVM minn April tal-2021, f’data li se tkun qed titħabbar aktar ‘il quddiem. Jieħdu sehem Ronald Saliba, Joe Farrugia d-Dulli, Narcy Calamatta, Ray Bone, Guido Fenech, Monica Attard, Simon Curmi, Carmel Gauci, Shelby Aquilina, Carmen Vella Fondacaro, Hermann Bonaci, Josephine Mahoney, Frida Cauchi, John Dimech, Joe Quattromani, Michela Galea, Sarah Camilleri, Noel Chircop, Joe Gatt, Michael Tabone, Ninette Micallef, u Mark Schembri fost ħafna aktar.

Illaħwa – Sitcom ġdida ta’ 13-il episodju li se titwassal fuq TVM bejn Jannar u Marzu tal-2021. Aktar dettalji dwar din il-produzzjoni jitwasslu fil-ġimgħat li ġejjien.