Id-dormitorju m’għandux isir għad-detriment tar-residenti Sengleani – Kunsillier tal-PN

Malcolm Gatt, Minority Leader u Kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-Isla qal li d-dormitorju għall-università Amerikana m’għandux isir għad-detriment tar-residenti Sengleani. B’dan l-iżvilupp, Gatt qal li se jkun qed ikerrah il-wirt storiku tal-Isla kif ukoll se joħloq diffikultà ta’ parkeġġ.

Gatt saħaq li d-dormitorju m’għandux jinbena fil-Baċir u fiż-żewġ parkeġġi li hemm għax dawn jintużaw kemm bħala parkeġġ għall-komunità kummerċjali tul is-sajf kif ukoll jintuża bħala post fejn jinżammu d-dgħajjes tul ix-xitwa. F’isem il-Partit Nazzjonalista, Gatt qal li ma jaqblux li d-dormitorju jinbena fiż-żona suġġerita għax mhux se jkun ta’ vantaġġ għar-residenti tal-Isla. Barra minn hekk se joħloq impatt negattiv li minnu se jbagħtu r-residenti u l-lokalità nfisha.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet li hi favur il-proposta tal-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield dwar id-dormitorju tal-Università Amerikana. Bedingfield kien qal li l-pjanijiet biex id-dormitorju jinbena fl-uniku spazju miftuħ bejn l-Isla u Bormla għandhom jieqfu u minflok għandha tkun kunsidrata l-binja bl-isem ta’ Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara jew il-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fil-Birgu.

AQRA: ‘Ċaqalqu l-bini tad-dormitorju tal-Università Amerikana’ – FAA