Id-donazzjoni tiegħek tista’ ssalva ħajja

Nhar il-Ħamis 17 ta’ Settembru tfakkar Il-Jum Dinji għas-Sigurtà tal-Pazjenti, bit-tema magħżula mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, din is-sena naturalment b’rabta mal-COVID-19 hi: “Is-Sigurtà tal-Ħaddiema tas-Saħħa: Prijorità għas-Sigurtà tal-Pazjenti”.

L-enfasi kienet fuq kemm huwa importanti li dawk li jaħdmu mal-pazjenti ma jkollhomx stress tax-xogħol żejjed u jkunu suġġettibbli li jagħmlu żbalji għad-detriment tal-pazjenti. Għal din l-okkażjoni, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jieħu l-opportunità biex jirringrazzja lil dawk il-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li minkejja l-impenji kbar ta’ xogħolhom xorta jsibu l-ħin u jersqu biex jagħtu d-demm għas-sigurtà tal-provvista tad-demm għall-morda.

Intant dawk li huma f’saħħithom huma mħeġġa jimxu fuq dan il-pass u jersqu biex jagħtu d-demm:

• fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.

• fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 20 ta’ Settembru ser ikun maġenb il-Knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ, Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.

• fil-mobile blood donation unit li nhar it-Tnejn 21 ta’ Settembru (festa pubblika) ser ikun fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi. Dakinhar ukoll, il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.

• fil-Berġa tax-Xewkija li nhar it-Tlieta 22 ta’ Settembru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Noti importanti!

• Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz.

Dan it-tagħrif twassal twassal min-National Blood Transfusion Service Malta.