Id-donazzjoni tal-Captain Morgan lill-PL forma ċara ta’ korruzzjoni – Cassola

captain-morgan

Id-donazzjoni li tat il-kumpanija u l-ħaddiema tal-Captain Morgan lill-Partit Laburista waqt il-maratona ġbir ta’ fondi hija eżempju ċar ta’ korruzzjoni. Dan qalu l-kandidat indipendenti Arnold Cassola f’ilment li għadda lill-Kummissarju Elettorali sabiex ikun investigat.

Fl-ilment, Cassola tkellem dwar prattiċi korrotti mill-Partit Laburista fejn qal li d-donazzjoni tal-Captain Morgan tammonta għal 17% tad-donazzjonijiet li rċieva l-Partit Laburista l-Ħadd li għadda.

Waqt il-maratona ġbir ta’ fondi għall-partit, il-PL ġabar total ta’ €615,123. Cassola qal li l-kumpanija Captain Morgan tat total ta’ €108,000 minn dawn.

Hu fakkar kif fl-aħħar xhur, il-Gvern għamel 40 jum iħallas għall-użu tal-vapuri tal-Captain Morgan (kif ukoll tas-Supreme Cruises) biex fuqhom iżomm l-immigranti li kienu ġew salvati mill-għarqa. L-għajta kienet li ladarba li l-portijiet tal-pajjiż kienu magħluqin minħabba l-pandemija tal-coronavirus, l-immigranti li kienu qed ifittxu l-ażil kienu ta’ periklu fuq il-pajjiż.

Il-Gvern kien qed iħallas €3,000 kuljum għal kull vapur. Cassola qal li f’ċertu punt, il-Captain Morgan kienet qed taqla mad-€9,000 kuljum. Qal li l-flus li ġemmgħet il-kumpanija, spiċċaw għaddew għand il-Partit Laburista permezz ta’ din id-donazzjoni.

Cassola rrimarka li dan ifisser li l-poplu li ħallas it-taxxi, ra flusu mgħoddija f’donazzjoni għal Captain Morgan, li mbagħad tat donazzjoni lill-partit ta’ Robert Abela. Hu laqqam dan ma’ “Żimbabwe fil-Mediterran”.

Hu appella biex il-Kummissjoni Elettorali tieħu azzjoni serja dwar dan.

Din il-prattika taż-żamma tal-immigranti fuq il-vapuri tal-Captain Morgan intemmet fis-7 ta’ Ġunju hekk kif il-vapuri kollha żbarkaw l-immigranti fl-Isla. B’kollox kien hemm total ta’ 425 immigrant li kienu abbord erba’ vapuri kkummissjonati mill-Gvern Malti.