“Id-donaturi tad-demm bżonjużi għax il-morda ma jistgħux jistennew”

NBTS

Is-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm qed jisħaq li d-donaturi tad-demm huma bżonjużi ħafna biex il-morda jirċievu t-trasfużjonijiet fil-ħin.

Fi stqarrija, is-Servizz spjega li minkejja r-restrizzjonijiet b’konsegwenza tal-pandemija Covid-19, id-donaturi tad-demm huma xorta bżonjużi ħafna. Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li resqu biex jagħtu d-demm tul il-ġimgħa li għaddiet, is-Servizz enfasizza li qed jieħu azzjonijiet adekwati biex jitnaqqsu r-riskji u l-għoti tad-demm jibqa’ jsir mingħajr xkiel u b’ritmu tajjeb.

Fil-jiem li ġejjin l-għoti tad-demm jista’ jingħata:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa bejn it-8am u s-6pm, u
  • Fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd li ġej tkun fi Pjazza Girgor Bonici maġenb il-knisja taż-Żejtun mit-8.30am sas-1pm.

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-Karta tal-Identità jew il-Liċenzja tas-Sewqan u possibilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.