“Id-dokumenti li ġew żvelati jikxfu l-kriminalità tas-sinjuri” – PES

Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PES) qal li n-numru ta' dokumenti li ġew żvelati fil-mezzi internazzjonali mill-Panama mingħand il-kumpanija Mossack Fonseca jikxfu l-kriminalità tas-sinjuri u juru kif in-nies sinjuri madwar id-dinja qed jaħbu l-assi tagħhom u jevadu t-taxxa.
Il-President tal-PES, Sergei Stanishev qal li dawn il-karti jikxfu l-kriminalità tan-nies sinjuri u li l-flus li qed jaħbu dawn in-nies mhumiex tagħhom u għandhom ikunu mqassma għall-benefiċju ta’ kulħadd.
Tenna li dawn in-nies “iddeċidew li jabbandunaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà”.
Huwa  faħħar ix-xogħol tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, li żvela l-lista.
Il-PES temm jgħid li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ l-impenn tagħha kontra pajjiżi li jintużaw biex tkun evitata t-taxxa jew biex isir il-ħasil tal-flus.
Il-Partit Laburista huwa membru tal-PES.