Id-dokument ta’ qabel il-baġit nieqes mill-ħolqien tax-xogħol – Tonio Fenech

L-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech sostna li d-dokument ta’ qabel il-baġit li nħareġ ilbieraħ jidentifika x-xogħol tajjeb li sar mill-Gvern preċedenti.

Meta kien qed jitkellem fil-kwartieri ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Tonio Fenech sostna li l-analiżi ekonomika tul dawn l-aħħar għaxar snin turi l-kompetittività, l-ħolqien tax-xogħol filwaqt l-ekonomija baqgħet għaddejja anke fis-snin tar-riċessjoni. Tonio Fenech sostna li għalkemm il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni qatt ma rrikonoxxa dawn il-kambjamenti, issa qed jagħti ċertifikat tajjeb lill-Partit Nazzjonalista.

L-eks Ministru tal-Finanzi kkritika d-dokument li ma jurix pjanijiet konkreti biex ikun hemm tkabbir u anke sabiex jinħolqu l-postijiet tax-xogħol filwaqt li sostna li l-unika proposta għall-ħolqien tax-xogħol hija relatata mal-faċilitajiet taċ-child care. Tonio Fenech żied jgħid li anke jekk din il-proposta tinkuraġġixxi aktar nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, l-ewwel pass hu li dawn isibu xogħol filwaqt li qal ukoll li Għawdex ma ngħatax l-attenzjoni li jistħoqqlu f’dan il-baġit.