Id-DOI jmeri lis-Segretarju Parlamentari

Impressjoni artistika tal-estensjoni proposta għar-residenza ta' San Vinċenz de Paule

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qed imeru lil xulxin dwar id-direct order li ngħatat b’rabta ma’ proġett ta’ estensjoni ta’ 500 sodda ġdida fir-Residenza San Vinċenz de Paule.

Filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva lbieraħ insista li dak kien żball min-naħa tad-dipartiment, id-DOI insista li ppubblika dak li talab minnu s-Segretarjat u għaldaqstant ma kienx skorrett. Fil-ġimgħat li għaddew, is-Segretarjat kien ċaħad kategorikament li ngħatat xi direct order ta’ €274 miljun lil JCL & MHC Consortium.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni l-Ħamis qal mat-Times of Malta li kienet gidba tas-Segretarju Parlamentari li d-direct order kien żball li sar mill-maniġment li jieħu ħsieb il-gazzetta tal-Gvern. Kelliem għad-Dipartiment insista li ma sar l-ebda żball u li huma jippubblikaw notifiki uffiċjali u reklami mibgħuta mill-Ministeri, segretarjati u d-dipartimenti kollha tal-Gvern. Sostna li jippubblikaw dak li jirċievu u meta jkun hemm żbalji dejjem jiġu kkoreġuti, madanakollu is-Segretarjat qatt ma ammetta magħhom li kien hemm żball.

F’artiklu ppubblikat ilbieraħ mit-Times of Malta wkoll, is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis deher jgħid li l-avviż kien żball. Irrimarka li l-avviż li deher fl-20 ta’ Lulju, li kien għal kuntratt ta’ estensjoni tal-bini bl-ammont ta’ €274 miljun ma kellux jiġi ppubblikat bħala direct order. Fil-kumment irrimarka li ġie infurmat li kien tort ta’ min ippubblika l-gazzetta hekk kif in-notifika ġiet ippubblikata fil-post ħażin.

Il-każ spjegat biċċa biċċa

L-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon, f’opinjoni fuq il-gazzetta MaltaToday kiteb dwar kif beda jiżvolġi pass pass il-każ ta’ San Vinċenz:

  • Il-każ beda meta d-Dipartiment tal-Kuntratti ħareġ tender li talab għal sħubija pubblika-privata (PPP) għal servizz ta’ catering fir-residenza. Kull min kien interessat ġie mitlub jissottometti prezz għall-ikliet ta’ kuljum. Il-prezz ried jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid ta’ kċina attrezzata. Dawk kollha li ssottomettew l-offerti tagħhom, intalbu joffru investiment ieħor tal-għażla tagħhom.
  • Il-proċess li bih intagħżlet il-kumpanija kien proċess normali u ntagħżlet minħabba li ppreżentat għażla aktar interessanti u vijabbli għall-Gvern. Jidher li l-kumpanija li tilfet it-tender ma qablitx mad-deċiżjoni tal-Gvern u appellat darbtejn, l-ewwel lill-Bord għar-Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi, u aktar tard lill-Qorti tal-Appell.
  • Dwar l-investiment tal-għażla tagħhom, Falzon irrimarka li l-kumpanija li rebħet it-tender issuġġeriet il-bini ta’ parti ġdida għal San Vinċenz, investiment b’total ta’ €29.2 miljun. Min-naħa l-oħra, il-kumpanija l-oħra kienet issottomettiet investiment ta’ €10.9 miljun. Il-Gvern għażel lill-ewwel kumpanija, u hawhekk il-kumpanija li tilfet it-tender ma appellatx id-deċiżjoni.
  • Falzon jgħid li l-kumpanija li tilfet it-tender ingħatat direct order li tiswa €3 miljun sabiex tieħu ħsieb il-pazjenti anzjani li se jitneħħew mill-Isptar Monte Karmeli.
  • Kien hawn li l-awtoritajiet Maltin indunaw x’verament kellhom bżonn u nnegozjaw mar-rebbieħ tat-tender JCL & MHC Consortium, sabiex jagħmlu investiment akbar minn dak li ssottomettew inizjalment. Huma aċċettaw li jinvestu aktar flus f’dan il-proġett jekk jitħallew joperawh għal numru ta’ snin. Il-prezz li nnegozjaw kien dak ta’ €273.65 miljun.
  • Falzon irrimarka li l-unika mod kif setgħu jikkonfermaw dan il-kuntratt kien billi joħorġu direct order. Dan ġie maħruġ ġimgħa eżatt qabel ma ngħata lill-kumpanija inkwistjoni.

Is-sejħa pubblika oriġinali għall-catering tar-residenti ta’ San Vinċenz kienet ħarġet fl-10 ta’ Novembru tal-2015, fejn minn żewġ offerti sottomessi, l-offerta’ ta’ JCL & MHC Consortium kienet l-aktar vantaġġjuża skont il-kriterji stabbliti.

Newsbook.com.mt kien staqsa liċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fil-Parlament, jekk il-Kumitat hux se jiddiskuti din id-direct order, Beppe Fenech Adami stqarr li ma jeskludix li jiddiskuti “d-direct order ta’ mijiet ta’ miljuni għall-estensjoni ta’ San Vinċenz”.