Id-dnub ikisser ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn – L-Isqof Teuma

Djoċesi ta’ Għawdex / CVC Media

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni li ġiet iċċelebrata t-Tlieta li għadda qal li d-dnub ikisser ir-relazzjonijiet tal-persuna mal-oħrajn. L-Isqof Teuma ċċelebra din il-quddiesa fis-Santwarju arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp fil-Qala.

L-Isqof spjega li meta wieħed jagħmel dnub iħossu bħal Adam għeri minn ġewwa u ma jibagħlu xejn li jtih dinjità u identità. Żied li ħafna drabi wieħed jgħix dan fl-inkonxju għax il-bniedem ma jiflaħx l-esperjenza tal-ħtija u għalhekk għal bidu il-persuna tħoss sens ta’ ħtija meta tindeb li tfittex li tordomha fl-inkonxju tagħha. L-Isqof għamel referenza għall-psikologa Amerikana Magda Arnold li għalkemm ma kinitx Kattolika jew Kristjana qalet li kull darba li jsir id-dnub, in-newroni tal-moħħ bħal jittebbgħu, jiċċappsu. Dik it-tebgħa u dik it-tiċpisa tibqa’ hemm anki jekk il-bniedem ma jindunax.

L-Isqof għamel referenza għall-qari mil-Ktieb tal-Ġenesi meta Adam jagħmel id-dnub, u Alla jistaqsih: “Fejn int, Adam?” (Ġen 3:9), ir-risposta tiegħu kienet, “Bżajt” (v. 10). “U jekk aħna rridu nkunu sinċieri, meta jien niżbalja, jekk jien inkun f’kuntatt mal-profondità tal-persuna tiegħi, nagħmel din l-esperjenza tal-biża’, nibża’. Bżajt, għax ħriġt minni nnifsi, għamilt xi ħaġa li ma kellix nagħmilha. Tinħeba ħafna drabi taħt is-sens ta’ ħtija. Imbagħad, kif konna qed ngħidu, nordmuha. U aktar ma tirrepeti d-dnub, aktar tintradam, u inqas tħossha,” kompla l-Isqof Teuma.

Matul l-omelija tiegħu l-Isoqf qal li kieku persuna kellu jkollha skrin li juri x’hemm fil-qalb u l-moħħ tal-persuna kulħadd jinħasad għax il-maskri li persuna tilbes togħġobha. Iżda b’dawn il-maskri ħafna drabi il-persuna ma tibqax hi u ma tibqax tkun taf min hi.

Id-dnub spjega l-Isqof ilibbes il-maskri u wieħed ma jkunx jaf aktar min hu. Żied li d-dnub ikisser relazzjoni tal-persuna magħha nnifisha u mal-oħrajn. Huwa ta eżempju li jekk persuna tgħix b’maskra mas-sieħeb jew sieħba tiegħu din il-maskra xi darba se taqa’.

Teuma kompla li fil-Festa tal-Kunċizzjoni l-Knisja tiċċelebra lil Madonna li kienet kienet ħielsa mid-dnub sa mill-konċepiment tagħha. Żied li l-Madonna wieġbet għas-sejħa li għamlilha l-anġu u minnufih marret għand Eliżabetta biex tkun ta’ servizz għall-oħrajn.

L-Isqof Spjega li l-kobor ta’ Marija jinsab għax kienet lesta li tilqa’ lill-oħrajn u lil Eliżabetta, lil ħafna min-nies ta’ Nazaret, minn Iżrael kollu, lid-dinja kollha u anke lil Alla. Żied li l-Madonna kienet vojta u kellha l-wisa’ għax kienet umli.

Djoċesi ta’ Għawdex / CVC Media