Id-“dnub ekoloġiku” jfisser li qed nikkunsmaw iżżejjed

Eric LeCompte, Direttur Eżekuttiv tal-Jubilee USA Network (Credit: Photo courtesy of Jubilee USA.)

F’dawn l-aħħar snin, il-Jubilee USA Network irnexxielu jikseb b’madwar $130 biljun f’dejn maħfur lil uħud fost l-ifqar pajjiżi fid-dinja. Din l-organiżazzjoni kienet ispirata mis-Sena tal-Ġublew li l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien iddikjara b’solidarjetà mal-fqar tad-dinja.

Issa, dan l-istess Network, permezz ta’ Eric LeCompte, id-Direttur Eżekuttiv tiegħu, qed jittama li s-Sinodu dwar l-Amazonia jgħin biex il-Kattoliċi fl-Istati Uniti jdawwru ħarsithom biex jgħinu reġjun li bata ħafna mill-politika Amerikana, l-Amażonja.

F’intervista mal-aġenzija CRUX, LeCompte qal li jemmen li l-focus tas-Sinodu m’għandhomx ikunu l-qassisin miżżewġa jew in-nisa fil-Knisja, imma fuq il-messaġġ ekonomiku u ekoloġiku li wassal il-Papa.

Hu qal li meta wieħed jara l-istazzjonijiet tat-televiżjoni jew il-ġurnali, jaħseb li s-Sinodu kien biss dwar il-qassisin miżżewġa jew in-nisa djakni.  Imma dawn it-temi kienu biss parti żgħira, kif jixhed id-Dokument Finali tas-Sinodu dwar l-Amażonja.

Sfidi komuni

F’Sinodu ffukat kollu kemm hu fuq l-Amażonja, wieħed isib enfasi qawwija fuq il-protezzjoni tal-komunitajiet indiġeni, id-difiża tad-drittijiet umani u l-pjaneta li ngħixu fiha.  X’aktarx li l-aktar messaġġ b’saħħtu li wieħed isib fid-Dokument Finali, li l-media qisha warrbet, hu li ħafna mill-isfidi reġjonali u globali li huma komuni għal kulħadd ġejjin mill-fatt li qed nikkunsmaw iżżejjed.

Id-Dokument Finali jitkellem b’mod iebes dwar id-“dnub ekoloġiku”. Wieħed jista’ jiġbor il-messaġġ tas-Sinodu fi tliet kelmiet: “Qed nikkunsmaw Iżżejjed”.

Sew jekk wieħed jgħix fl-Amażonja, fl-Istati Uniti jew partijiet oħra tad-dinja, ilkoll qed nikkunsmaw iżżejjed.  Dan hu messaġġ iebes u aktarx hu l-aktar wieħed li bih il-Knisja Kattolika resqet lejn il-kunċett tad-dnub soċjali, li bħala soċjetà, il-livell ta’ konsum hu dnub.

Il-livell tal-konsum tagħna qed jagħmel ħsara lill-pjaneta, iċaħħad lill-foqra u jifridna wieħed mill-ieħor. Id-Dokument tas-Sinodu hu speċifiku ħafna fuq l-idea tad-dnub ekoloġiku u mhux biss jinkoraġġina biex nieħdu ħsieb il-fissazzjoni tagħna fuq l-użu ta’ żjut li jagħmlu ħsara imma wkoll jisfidana biex nikkunsmaw anqas laħam.

Żvilupp ġust u sostenibbli

LeCompte żied jgħid lil CRUX li d-Dokument Finali tas-Sinodu jappella wkoll għal mudelli ġodda ta’ “żvilupp ġust, solidali u sostenibbli”.

Fl-Omelija fil-Quddiesa fl-egħluq tas-Sinodu, il-Papa tkellem dwar kunċett li hu ħafna għal qalbu. Irridu nwaqqfu mudelli ta’ żvilupp li jaħtfu, fl-Amażonja. Dawn huma mudelli li jesplojtjaw il-poplu tal-Amażonja u jisirqilhom ir-riżorzi tagħhom għall-benefiċċju tal-barranin.

Ħafna korporazzjonijiet kbar Amerikani jew Internazzjonali huma magħrufa li qed jaħtfu l-artijiet bir-riżorsi tagħhom li hemm fir-reġjun bi vjolenza għall-komunitajiet tal-Amażonja  u l-ekosistemi.

Ftehim Kummerċjali mal-Istati Uniti jew pajjiżi oħra ifittxu li jipproteġu l-interessi ta’ dawn il-korporazzjonijiet kbar bi ħsara għall-Amażonja.

Jekk wieħed jaqra d-Dokument Finali tas-Sinodu dwar l-Amażonja – 33 paġna –  il-messaġġ finali hu li aħna lkoll jixirqilna f’dinja fejn kulħadd għandu biżżejjed iżda mhux iżżejjed. Hu dan il-messaġġ li jista’ jgħinna nkunu f’għaqda flimkien, b’solidarjetà ma’ dawk li qed jitqabdu biex isalvaw fl-Amażonja u b’hekk inkunu aktar qrib Alla li jħobbna, temm jgħid LeCompte.