Mara tmexxi parroċċa f’Connecticut għall-ewwel darba

Dr Eleonor Sauers quddiem il-Knisja ta' Sant Antnin ta' Padova f'Connecticut fejn se tkun Koordinatriċi tal-Ħidma Pastorali

L-Isqof Frank J. Caggiano ħatar lil Dr Eleanor W. Sauers bħala koordinatriċi tal-parroċċa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Connecticut, fl-Istati Uniti, b’seħħ mill-1 ta’ Jannar li ġej. Din se tkun l-ewwel mara li tmexxi parroċċa f’dan l-istat.

Dan tħabbar f’ittra li l-Isqof bagħat lill-parruċċani kollha li fiha qal li: “Għaddew kważi 9 xhur mill-mewt ta’ Fr John Baran li kien imexxi din il-parroċċa. F’dawn ix-xhur il-parroċċa kompliet miexja ‘l quddiem għax għandha għeruq sodi u l-lajċi jinvolvu ruħhom ħafna. Tlabt ħafna u ħsibt u kelli żewġ laqgħat mal-mexxejja tal-parroċċa biex naħseb f’min għandu jissostitwixxi lil Fr Baran bħala mexxej pastorali tagħkom.”

“Din il-parroċċa u l-Knisja kollha qegħdin f’mument partikolari fl-istorja. Hekk kif dort din il-belt ta’ Fairfield, indunajt li ħafna lajċi, nisa u rġiel qed ifittxu modi ġodda kif jaqdu l-parroċċa u b’kollaborazzjoni mal-kleru joħolqu komunitajiet ħajja. Għalhekk iddeċidejt li naħtar lil Dr Eleonor Sauers, bħala koordinatriċi tal-Ħajja Parrokkjali fil-parroċċa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova b’effett mill-1 ta’ Jannar li ġej.”

“Dr Sauers se tkun qed taħdem ma’ tim ta’ qassisin li jipprovdu l-ministeru tas-sagramenti u jkollha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet fil-parroċċa. Hi se tara l-ħidma tal-parroċċa minn jum għal jum, kif għamlet fl-aħħar xhur. Ir-responsabbiltajiet tagħha huma li taħdem mal-komunità parrokkjali biex tiżviluppa missjoni u viżjoni pastorali. Hi se tkun preżenti fil-parroċċa f’mumenti ta’ ċelebrazzjoni u anke ta’ niket. L-edukazzjoni, il-formazzjoni u l-esperjenza tagħha jagħmluha professjonalment, akkademikament u spiritwalment preparata għal din il-kariga.”

Il-Kariga ta’ Koordinatur tal-Ħajja Parrokkjali hi stabbilità mil-Liġi Kanonika.

“Id-deċiżjoni tiegħi li nitlob lil Eleonor biex tieħu dan il-ministeru, l-ewwel mara li se tkun qed tmexxi djoċesi, hi bbażata fuq numru ta’ fatturi:

  • L-uniċità tal-komunità parrokkjali;
  • L-apprezzament tiegħi għax-xogħol li hi diġà għamlet fil-parroċċa; u
  • Il-preċedent fi djoċesijiet oħra madwar il-pajjiż għal dan il-mudell ta’ tmexxija pastorali.

“Ir-responsabbiltà tagħkom bħala komunità ta’ Sant Antnin ta’ Padova, hi li tappoġġjaw lil Eleonor, lis-saċerdoti li jamministraw is-sagramenti u lill-mexxejja lajċi tal-parroċċa tagħkom.”

“Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-qassisin kollha li għenu lil din il-komunità kemm dam marid Dr Baran u fid-disa’ xhur wara mewtu. Grazzi speċjali lil Dr Michael Boccaccio li ħadem b’ġenerożità f’din il-parroċċa flimkien mal-ħidma fil-kariga tiegħu ta’ Direttur Djoċesan għall-Propagazzjoni tal-Fidi.”

“Inwiegħed l-appoġġ tiegħu għall-ħidma ta’ Eleonor u l-parroċċa tagħkom. Għandi fiduċja li hi se tkompli tibni fuq it-tajjeb li ħalla Fr Baran u tgħin lil din il-komunità biex tkompli tikber fil-futur. Ejja nitolbu għaliha kif dieħla għal din ir-responsabbiltà ġdida fil-parroċċa. Jien se nibqa’ nitlob għalikom u l-familja parrokkjali meraviljuża tagħkom,” temm l-ittra tiegħu l-Isqof.